Lokali Parlament

Ix-Xandir tal-Istat sar għodda sfaċċata tal-Gvern Laburista u llum waqa’ f’livelli deġenerattivi u tal-mistħija

  • Joseph Ellis, Deputat Nazzjonalista

Id-Deputat Nazzjonalista Joseph Ellis beda biex tkellem dwar l-Istazzjon Nazzjonali u qal li sfortunatament illum bosta jaqblu li dan jinsab fi stat mill-aktar pjetuż.

Taħt il-Public Servic Obligation ix-Xandir tal-Istat qed jieħu l-miljuni, iżda flok ma jkun il-leħen ta’ kulħadd, hu biss juke box tal-Gvern Laburista biex idoqq biss id-diski tal-Gvern.

Dan hu ta’ mistħija mhux biss għall-Gvern Laburista, iżda wkoll għal min imexxi l-istess Stazzjon tal-Istat. Hi tal-mistħija u għal kollox mhux aċċettabbli li hu l-Ministru li jmexxi l-Istazzjon Nazzjonali u mhux il-Bord tad-Diretturi.

Joseph Ellis kompla li hi sitwazzjoni mill-aktar tat-tħassib li għandna Xandir Nazzjonali li ma hux iwassal l-aħbarijiet u x-xandir b’imparzjalità.

Wasal iż-żmien li x-Xandir tal-Istat jagħti wkoll kas tal-minoritajiet fil-pajjiż u wkoll tal-komunitajiet etniċi li hawn fostna.

Tkellem ukoll dwar id-djalogu soċjali u qal li anki hawnhekk hu jħoss li d-djalogu soċjali f’pajjiżna ma hux isir kif wieħed jixtieq u jistenna. Il-Gvern iħares lejn l-MCESD bħala a talking shop u xejn aktar. Iħallih jitkellem, iżda ma jattwa xejn mill-pariri u s-suġġerimenti li jingħataw.

Il-Gvern jagħmel ta’ rasu u jimxi biss fuq il-pjani ta’ rasu. Id-djalogu soċjali għandu jkun meqjus bħala riżorsa għall-pajjiż; bħala xi ħaġa li tagħmel il-ġid għall-pajjiż. Iżda minflok il-Gvern Laburista jwarrab lill-imsieħba soċjali u jimxi għal rasu.

Joseph Ellis kompla li l-istess ġara fuq il-każ tal-persons u trust fejn minkejja l-pariri kollha li qed jingħata, xorta waħda jibqa’ għaddej b’dak li jgħidlu moħħu. Il-Gvern imissu jiddiskuti dak kollu li wieħed ikollu x’jiddiskuti u mhux jinjora lill-għaqdiet biex jagħmel ta’ rasu.

Joseph Ellis tkellem ukoll dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u qal li din taħt dan il-Gvern splodiet b’mod fenominali. Illum hawn żieda ta’ 10,000 ħaddiem fis-Settur Pubbliku aktar milli kien hemm f’Marzu tal-2013. Barra minhekk hemm eluf ta’ ħaddiema oħra jaħdmu mal-kuntratturi, oħrajn li huma reġistrati bħala self-employed u diversi mijiet oħra mal-community workers’ scheme. Dan kollu qiegħed ikollu effett mill-aktar negattiv fuq l-industrija Maltija.

Joseph Ellis qal li hawn realtà kif l-industrija ma hix issib il-ħaddiema Maltin u minlok qiegħed ikollha tirrikorri għal ħaddiema barranin, fosthom minn pajjiżi ferm lil hinn mill-Unjoni Ewropea.

Tkellem ukoll dwar l-ineffiċjenzi fis-Settur Pubbliku u qal li dawn għandhom ikunu ta’ tħassib għal kulħadd.