Lokali

L-artista tal-kuraġġ, it-tama u s-sabar

Isem Carmen Vella Gauci hu assoċjat l-aktar mal-arti. Hi wkoll għalliema u poeta, imma forsi l-akbar passjoni tagħha minn dejjem kienet lejn l-arti.

Ix-xogħlijiet sbieħ tagħha kienu esposti f’aktar minn wirja waħda matul dawn l-aħħar snin u l-kritiċi tal-arti japprezzaw u jfaħħru x-xogħol tagħha. Mhux l-ewwel darba li xogħlijiet tagħha dehru anki f’dan il-ġurnal waqt xi inawgurazzjoni ta’ wirja bil-pitturi tagħha.

Imma f’Ġunju li għadda Carmen għaddiet minn esperjenza li żgur ħadd ma jixtieq jew joħlom li jgħaddi minnha. Hi tilfet lil binha Andrew ħabta u sabta fl-età tal-adolexxenza meta kien għad kellu 14-il sena.

X’jista’ jibqa’ fiha omm li titlef lil binha fl-età li jibda joħlom il-futur tiegħu! Kif tista’ qatt omm taċċetta traġedja bħal din u tibqa’ għaddejja bil-ħajja normali tagħha?

Ċertament mhux faċli. U Carmen dakinhar ħasset kollox jikkrolla f’ħajjitha. Għax ħadd u xejn ma jista’ jħejjik għal telfa bħal din għal għarrieda. Madankollu, minflok irrassenjat ruħha għad-disperazzjoni għall-kumplament ta’ ħajjitha, Carmen qaltli li ħadu l-parir li ngħataw biex ifittxu l-għajnuna meħtieġa li tiggwidahom f’din it-triq mimlija wġigħ. “U bdejna t-terapija.”

Tgħid li ma kinux jafu kif se jsibu s-sabar u min jista’ jagħtihulhom dan is-sabar wara telfa bħal dik. Imma l-isforz kienu determinati li jagħmluh. “Għamilt minn kollox biex nevita li nibki u nibqa’ soda għall-familja tiegħi, waqt li spiċċajt inbati bil-qtugħ ta’ nifs.”

Imma b’xorti tajba tgħid li bis-saħħa tat-terapija għarfu kif jegħlbu xi ftit id-dulur, tgħallmu fuq l-istadji differenti tal-‘bereavement’ u anki dwar l-emozzjonijiet differenti li jaħkmuk waqt dan iż-żmien ta’ luttu, emozzjonijiet li ma jkollok l-ebda kontroll fuqhom.

Bir-raġun, Carmen tgħid li d-dulur hu xi ħaġa intima ħafna, u kulħadd jesperjenzah b’mod differenti. U kulħadd jindirizza n-niket tiegħu bil-mod kif jaf hu. “Nies differenti jfittxu s-sabar għal raġunijiet differenti, jistgħu jkunu raġunijiet ta’ saħħa, tradiment, solitudni…”

Finalment Carmen waslet biex ħadet deċiżjoni. Dik li tfittex is-sabar fin-niket tagħha bil-kitba, preċiżament bil-poeżija, billi bdiet tikteb versi poetiċi b’tifkira tal-għażiż binha, imma wkoll biex tipprova tagħmel il-ġid bil-kitbiet tagħha lil min jinsab għaddej minn xi forma ta’ niket f’ħajtu.

Il-poeżiji li kitbet, ftit ġimgħat ilu Carmen ġabrithom fi ktieb bl-isem ‘Verses to my son – In search of sollace’.

“Dak li qed nipprova nwassal permezz ta’ dan il-ktieb hu għarfien dwar id-dulur, kif wieħed jipprova jistabar, x’tistenna f’ċirkostanzi bħal dawn, imma wkoll poeżiji dwar it-tama, ir-rabja, il-ġudizzju tagħna bħala bnedmin, poeżiji kontemplattivi, l-aċċettazzjoni, proża, eċċ. – dak kollu li tiffaċċja f’każ bħal dan se ssibu proprju hawn, f’dan il-ktieb.”

L-altruwiżmu tal-artista Carmen Vella Gauci joħroġ proprju fil-kuraġġ li tagħti dan il-messaġġ qasir imma ta’ qawwa kbira lil min qed jesperjenza niket u wġigħ proprju meta l-weġgħa tat-telfa ta’ binha stess għadha friska f’ħajjitha. “Nittama li din il-ġabra ta’ poeżiji tgħinek issib is-serħan fil-mumenti ta’ niket. Meta taqbad f’idejk dan il-ktieb ftakar li m’intix waħdek. Qatt m’int waħdek. Jalla dan il-ktieb itaffilek ftit l-uġigħ fl-aktar mumenti koroh tal-ħajja.”

Tabilħaqq artista tal-kuraġġ, it-tama u s-sabar.

Min hu interessat jista’ jixtri l-ktieb ‘Verses to my Son’ billi jidħol f’dan is-sit ta’ facebook: www.facebook.com/versestomyson/