Raġel ġie meħlus minn priġunerija effettiva talli ttraffika 15-il pillola ecstasy fl-Ewwel tas-Sena tal-2013, wara li qorti tal-appell ikkonfermat li kien għamel “passi konkreti” biex għeleb il-vizzju tad-droga. Ryan Mizzi, żagħżugħ ta’ 29 sena residenti Ħaż-Żabbar, kien ammetta li kellu d-droga f’ċirkostanzi li jindikaw li l-pilloli ma kinux maħsuba għall-użu personali tiegħu.
Dik l-ammissjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati rriżultat f’disa’ xhur ħabs effettivi u multa ta’ €1,000. Wara s-sentenza tal-2017, l-akkużat ressaq appell, fejn talab għal piena aktar adegwata minħabba ċ-ċirkostanzi tal-każ. L-avukati tal-appellant talbu lill-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, biex tassumi l-funzjonijiet ta’ Qorti tad-Droga.
Dik it-talba ġiet milqugħa u l-każ ġie riferut lill-Bord għar-Riabilitazzjoni ta’ Reati tad-Droga. Dokumenti ppreżentati quddiem il-Bord urew biċ-ċar li l-appellant, li kellu storja twila ta’ abbuż tad-droga, finalment kien irrikonoxxa l-ħtieġa li jegħleb id-dipendenza tiegħu u rreġistra “passi konkreti” f’dik id-direzzjoni.
Huwa kien ikkopera bis-sħiħ matul il-programm ta’ riabilitazzjoni u ttestja ‘nadif’ mit-teħid tad-droga, liema testijiet keinu jsiru fuqu kull ġimgħa. Barra minn hekk, Mizzi kien segwa l-pjan ta’ trattament tiegħu u issa kien integrat sew fis-soċjetà, osservat il-Qorti, filwaqt li żiedet li fid-dawl ta’ kollox, kien ħaqqu li jiġi meħlus sentenza ta’ ħabs effettiva.
Il-Qorti laqgħet l-appell, billi kkonvertit is-sentenza ta’ disa’ xhur ħabs effettiva għal sitt xhur ħabs sospiżi għal sena u naqqset il-multa għal €600, filwaqt li ddikjarat li r-reat ma kienx se jkun rifless fiċ-ċertifikat tal-kondotta tal-pulizija tal-appellant. L-avukati Franco Debono u Francesca Zarb għenu lil Mizzi fl-istadju tal-appell.
//= $special ?>