Lokali

Segretezza sħiħa mill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafa qed jaffaċċja kritika kontinwa wara li allegatment ma ta bidu ghall-ebda investigazzjoni dwar l-ahhar skandlu ta’ Joseph Muscat….meta kien żvelat l-involviment tal-eks Prim Ministru fil-ftehim tat-tliet sptarijiet.

Mistoqsi fi tmiem il-ġimgħa jekk Muscat hux qed jiġi investigat, Angelo Gafa naqas milli jwiegeb. Ġimgha ilu, it-Times of Malta żvelat kif l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irċieva 60,000 ewro mingħand kumpanija Żvizzera li rċeviet il-miljuni mingħand Steward Healthcare waqt li kien qed jgħaddi għandhom id-deal tal-isptarijiet mingħand Vitals Global Healthcare.

L-eks Prim Ministru tħallas total ta’ €60,000…. bl-ewwel ħlas iseħħ xahrejn biss wara li rriżenja. Il-flus tqassmu f’erba’ pagamenti; tnejn minn kumpanija bl-isem ta’ Accutor AG u tnejn minn Spring X Media – żewġ kumpaniji li jitmexxew mill-avukat Wasay Bhatti, li kollha għandhom indirizz fl-Isvizzera.

Dan il-ħlas qed ikun eżaminat bħala parti minn inkjesta Maġisterjali li hija limitata biss għad-deal tal-isptarijiet iktar milli bħala parti minn stħarriġ wiesa’ tal-Pulizija dwar id-deals kollha li għamel Joseph Muscat meta kien Prim Ministru u anke fil-jiem ta’ wara.

Il-fatt li l-Pulizija diversi drabi qed jiddependu fuq inkjesti maġisterjali minflok jagħmlu investigazzjonijiet addizzjonali, kien kritikat bis-sħiħ mill-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan hekk kif l-inkjesta pubblika kienet sabet li l-Pulizija falliet milli tagħmel investigazzjoni indipendenti dwar l-istejjer ta’ korruzzjoni li kixfet Caruana Galizia fosthom dwar  il-Panama Papers.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech stess talab sabiex issir investigazzjoni separata mill-Pulizija dwar dan l-aħħar skandlu….filwaqt li appella lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinforma lill-poplu jekk l-eks Prim Ministru Joseph Muscat hux qed jiġi investigat, fid-dawl ta’ dak li kien żvelat dwaru.