Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Aktar minn 3 miljun doża tal-booster fl-Italja

Fl-Italja inghataw aktar minn 3 miljun doża tal-booster tal-vaċċin ghal kontra l-COVID-19, fost kampanja aggressiva tal-Gvern Taljan biex il-poplu tiegħu jitlaqqam ….u tingħata l-akbar attenzjoni lill-isfida tal-pandemija.

Dan ħabbru l-Ministru tas-Saħħa Roberto Speranza, waqt li kien qed jitkellem f’konferenza dwar il-futur tas-sistemi tas-saħħa wara l-pandemija kemm fl-Italja kif ukoll fl-Ewropa.

S’issa fl-Italja tlaqqmet ftit anqas minn 87% tal-popolazzjoni bl-ewwel doża u 84% bit-tieni doża tal-vaċċin, b’medja ta’ madwar 130,000 Taljan kuljum jitolbu biex jitlaqqam. Tant li t-Tnejn, 18,000 persuna ħadu l-ewwel doża fil-pajjiż.

Speranza appella għal koerenza akbar fil-policies tas-saħħa bejn l-istati membri tal-Unjoni Ewropea …u l-pandemija għalmitna li mhux biss is-sistemi tas-saħħa jkunu tal-ogħla livell iżda anki l-pajjiżi Ewropej jeħtieġu jissagrifikaw biċċa mill-kompetenza nazzjonali sabiex entitajiet bħall-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini tissaħħaħ aktar.

Ir-Regjun tal-Veneto qed jesperjenza żieda fl-infezzjonijiet, hekk kif tħabbru ftit anqas minn 1,300 każ ġdid ta’ COVID-19 u 5 vittmi f’24 siegħa, biex il-każi attivi telghu ghal ftit anqas minn 17,000 u dawk fl-isptarijiet ftit anqas minn 400.

Intant, fl-Awstrija, l-epiċentru Ewropew il-ġdid tal-pandemija, kellu jiddaħħal lockdown fost 2 miljun persuna li ma ħadux it-tilqima tal-COVID-19, hekk kif huma biss 65% tal-poplu Awstrijak li ħadu t-tilqima, l-anqas rata fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru tas-Saħħa Awstrijak, Wolfgang Muckstein, saħansitra qal li aktar miżuri ta’ prevenzjoni qed jiġu evalwati, fosthom curfew mill-10pm ‘il quddiem għal kulħadd, irrispettivament jekk tlaqqmux jew le, hekk kif l-infezzjonijiet qed jiżdiedu b’rata allarmanti.