Internazzjonali

Attakk suwiċida fl-Uganda jħalli tlieta mejta

Attakk suiċida ħalla tliet persuni mejta u għexieren midruba f’Kampala, il-kapitali tal-Uganda.

L-attakk sar minn tliet terroristi li kienu fuq muturi u li splodew lilhom infushon qrib il-Parlament tal-pajjiż u l-kwartieri ġenerali tal-Pulizija.

Huwa mbassar li n-numru ta’ vittmi minn dan l-attakk ikompli jiżdied.

Ix-xena fil-post tal-attakk suiċida kienet waħda makabra, b’partijiet tal-ġisem imferrxa mat-toroq.

Uffiċjali tas-sigurtà qed jixħtu l-ħtija ta’ dan l-attakk fuq l-Allied Democratic Forces, grupp ibbażat fir-Repubblika tal-Congo. Madankollu l-grupp għadu ma ħax responsabbiltà.

L-attakki saru b’pawża ta’ tliet minuti bejn kull wieħed, bit-theddid ta’ aktar bombi jibqa’ fis-seħħ.