Lokali Qorti

€100 multa kull wieħed wara li ammettew li kitbu kliem ta’ mibgħeda fuq il-midja soċjali

L-attakki ta’ mibgħeda fuq il-midja soċjali għandhom jiġu eliminati għal kollox. Huwa dan il-messaġġ li għaddiet ma’ Net News il-preżentatriċi Angela Coleiro hekk kif illum fil-Qorti instema’ l-każ ta’ hate speech fil-konfront tagħha – attakk li seħħ f’Ġunju tal-2020 fuq il-midja soċjali sempliċiment għax kienet esprimiet l-opinjoni tagħha.

Akkużati b’dan l-aġir tressqu quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace Cleaven Micallef u Mario Coleiro biż-żewġt irġiel jammettu l-ħtija tagħhom u jagħmlu apoloġija pubblika lil Coleiro.

Filwaqt li ż-żewġt irġiel ġew immultati €100 kull wieħed rispettivament, Angela Coleiro appellat sabiex bħala poplu nagħmlu l-pass li jmiss u neħilsu mid-diskors ta’ mibgħeda  u neliminaw id-diskors dispreġġjattiv sabiex verament dan il-pajjiż jiġbed ħabel wieħed…lil’hinn mill-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali ta’ kull wieħed u waħda minnha.