Lokali

Entitajiet jgħidu li l-Liġijiet m’għandhomx isiru b’għaġla

Liġijiet bħal din li titratta l-użu tal-kannabis m’għandhomx isiru b’għaġla jew għax ġejja l-elezzjoni ġenerali. Aktar u aktar meta din qed issir mingħajr l-istudji meħtieġa u mingħajr djalogu mal-imsieħba soċjali u l-istakeholders.

Dan kien il-messaġġ komuni li ħareġ matul laqgħa li diversi entitajiet kellhom ma’ delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista magħmula mill-Kelliem għall-Politika Soċjali u l-Familja Claudette Buttigieg, mill-Kelliem għad-Djalogu Soċjali Joe Ellis, mill-Kelliem għat-Tiġdid Politiku Claudio Grech u mill-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar.

Min-naħa tagħhom, Caritas Malta, il-Kamra tal-Kummerċ l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-Fondazzjoni Richmond il-UĦM Voice of the Workers, l-Oasi u l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja spjegaw li m’humiex kontra l-użu mediċinali tal-kannabis, iżda mill-użu rikreattiv.

L-entitajiet qalu li din il-Liġi se tilliberalizza aktar l-użu tas-sustanzi, iżda mhix tgħaddi l-messaġġ li l-kannabis tagħmel il-ħsara, bħal kull sustanza oħra. Dan meta lanqas ma għadu kif dawn il-proposti se jaffettwaw lis-soċjetà tagħna.

Huma qalu li mkien ma jissemma’ x’testijiet se jsiru fuq il-kannabis li tkun ikkunsmata, filwaqt li għandha ssir resġistrazzjoni kkontrollata għall-iskop ta’ statistika, daqskemm għall-kontroll tal-kwalità.

L-entitajiet komplew li wieħed għandu jħares ukoll lejn l-aspetti soċjali u produttivi, partikolarment għal ħaddiema f’setturi differenti tad-dinja tax-xogħol, filwaqt li staqsew min se jkollu raġun – skont din il-Liġi – f’każ ħaddiem jikkonsma l-kannabis u min iħaddem ma jaċċettax dan il-fatt.

Huma staqsew ukoll jekk il-Gvern hux se jgħin lil dawk il-ħaddiema li jintbagħtu d-dar għax jinsabu taħt l-effett tal-kannabis, anke fid-dawl ta’ tħassib dwar saħħa u sigurtà, partikolarment f’xogħolijiet manwali, fejn għadu mhux ċar jekk jistgħux ikunu suġġetti għal xi periklu. Bl-istess mod, jekk hux aċċettabbli li ħaddiem jikkonsma l-kannabis fil-ħin tal-break u kemm hemm bżonn ħin biex l-effett jgħaddi.

Min-naħa tagħhom, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista qalu li l-Liġi kif qed jipproponiha l-Gvern tmur kontra kull sens komun u żgur mhix fl-interess tal-poplu, partikolarment tat-tfal u ż-żgħażagħ.

Fid-dawl ta’ dan, huma staqsew jekk il-President ta’ Malta – li hu nnifsu hu Tabib – hux se jkun qed jaċċetta li jiffirma għal din il-Liġi kif inhi, meta għall-Gvern din saret f’salt prijorità leġislattiva.

Spjegaw li hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista qed ikompli jisma’ x’jaħsbu l-istakeholders relatati, b’tali mod li l-Liġi ssir b’responsabbiltà kollettiva.