Lokali

“Il-leġiżlazzjoni dwar il-kannabis għandha jkollha bażi xjentifika” – Il-Fondazzjoni Richmond

Id-diskuzzjoni dwar leġiżlazzjoni ġdida fuq il-kannabis għandha jkollha bażi xjentifika – xi ħaġa li sa issa għadha mhux disponibbli f’pajjiżna.

Hekk qed tinsisti l-Fondazzjoni Richmond fejn fi stqarrija qalet li għandha tingħata importanza għal dak li se jkun l-impatt ta’ din il-leġiżlazzjoni fuq il-membri l-aktar żgħażagħt tas-soċjeta filwaqt li għandu jsir assessjar ta’ l-effetti ta’ żieda fl-użu tal-kannabis fuq is-saħħa u l-aspett soċjali tal-pajjiż.

Il-Fondazzjoni ddikkjarat ruħha kontra t-tkabbir tal-pjanti tal-kannabis fid-djar u esprimit tħassib serju għall-possibilità li l-użu tal-ħaxixa ssir parti naturali mit-tfulija. Dan anke fid-dawl ta’ xhieda dokumentata ta’ effetti negattivi tad-droga kannabis fuq iż-żgħażagħ.

Richmond temmet tgħid li l-leġiżlazzjoni għandha effetti fit-tul fuq is-soċjetà u m’għandhiex titfassal fuq perspettiva waħda imma minn perspettiva wiesa’ li tieħu in konsiderazzjoni r-riskji kollha involuti.