Il-Membri tal-Oppożizzjoni jinsistu diskussjonijiet dwar ir-Rapport Moneyval u r-Rapport FATF
Ilbieraħ figlħaxija d-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li hu l-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalsita, talab ruling mingħand l-Ispeaker biex ikun rispettat ruling tal-Ispeaker stess u l-Aġenda li kienet maqbula mill-Kumtat kollu għall-Affarijiet Finanzjari u Ekonomiċi fi Frar tal-2020 tkun diskussa fl-istess Kumitat.
Dan wara li f’minuti approvati fl-istess Kumitat fis-26 ta’ Frar tal-2020, ir-Rapport dwar il-Moneyval kellu jkun diskuss fl-istess Kumitat fuq talba tal-Oppożizzjoni.
L-istess Oppożizzjoni f’Lulju tal-2021 kienet talbet ukoll li r-Rapport tal-FATF ikun diskuss ukoll fl-istess Kumitat.
Dawn iż-żewġ Rapporti jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Kumitat Permanenti Parlamentari, iżda l-Membri tal-Gvern preżenti f’dan il-Kumitat, immexxija mid-Deputat Laburista Jean Claude Micallef bħala Chairman, baqa’ ma ddiskuta qatt dawn iż-żewġ Rapporti li huma ta’ natura ta’ importanza nazzjonali.
Apparti r-ruling mitlub minn Robert Cutajar bħala l-Whip tal-Oppożizzjoni, il-membri preżenti f’isem il-Partit Nazzjonalista, li kienu l-istess Robert Cutajar, Caudio Grech u Kristy Debono, bi protesta ħarġu ’l mil-laqgħa tal-Kumitat wara li t-talba li saret mill-Membri tal-Oppożizzjoni biex fil-laqgħa li jmiss jitilqgħu fuq l-Aġenda l-item maqbul fuq l-Aġenda fl-2020, iċ-Chairman Jean Claude Micallef baqa’ jirrifjuta milli jagħmel dan.
Ta’ min josserva li dan il-Kumitat fl-2020 kien immexxi wkoll mill-istess Chairman Jean Claude Micallef.
Wieħed jifhem li l-Ispeaker Anglu Farrugia mistenni jagħti r-ruling tiegħu fis-seduta tal-lum.
Robert Cutajar għadda lill-Ispeaker id-dokumenti kollha li hu kien għamel riferenza għalihom.
Ta’ min jgħid li membru ieħor f’isem il-Partit Nazzjonalista f’dan il-Kumitat hu Mario de Marco.
//= $special ?>