Internazzjonali Lokali Unjoni Ewropea

Il-MPE Roberta Metsola bl-ewwel kummenti dwar il-kandidatura tagħha għall-Presidenza tal-Parlament Ewropew

Titkellem dwar il-ħtieġa ta' Parlament Ewropew aktar b'saħtu u ċar fil-messaġġ tiegħu

Fl-aħħar ħin, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Roberta Metsola tat l-ewwel kummenti tagħha lil NetNews dwar l-aħbar tal-kandidatura tagħha għall-Presidentza tal-Parlament Ewropew.

“Dan hu proċess intern u rrid nirrispettah, iżda iva, nista’ nikkonferma li qed nikkandida ruħi biex inkun l-MEP nominat mill-Grupp tal-Partit Popolari Ewropew għall-President tal-Parlament Ewropew.

Fil-jiem li ġejjin se nkompli nitkellem mal-MEPs biex nara kif jaħsbu li għandu jkun l-irwol ta’ din l-istituzzjoni fit-tieni nofs ta’ din il-leġiżlatura. Irrid nara kif nistgħu naħdmu flimkien biex in-nies fl-Istati Membri tagħna li huma xettiċi mill-proġett Ewropew jibdew jemmnu fl-Unjoni Ewropea, u kif il-Parlament, bħala istituzzjoni jista’ jaħdem aħjar biex jgħin lill-MEPs iqarrbu t-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew lejn in-nies fl-irħula u l-ibliet tal-pajjiżi membri.

L-isfidi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa jeħtieġu li l-Parlament Ewropew ikun b’saħħtu u ċar fil-messaġġ tiegħu. Jien lesta li nagħti is-sehem tiegħi waqt li nkomplu naħdmu biex ikollna Ewropa aktar sigura, ġusta u nadifa. Irrid Ewropa li jkollha aktar prosperitá u li tkun aktar ugwali.”