Lokali

Il-PN kontra amnestija li tippremja l-abbuż u tiddiskrimina kontra min ħallas it-taxxa u kontra każijiet ġenwini

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-amnestija li l-Gvern daħħal baxx baxx bl-Avviż Legali numru 419 hija diskriminatorja u tati daqqa ta’ ħarta lil kull min ħallas sal-inqas ċenteżmu ta’ taxxa, filwaqt li tippremja lil min abbuża u waqa’ lura mid-dmirijiet tiegħu quddiem il-liġi.

Fi stqarrija l-Kelliem għall-Finanzi Mario de Marco, il-Kelliem għall-Ġustizzja Karol Aquilina u l-Klliem għax-Xogħol Jason Azzopardi saħqu li l-PN jtenni li din l-amnestija tippremja l-abbuż mingħajr ma tiddistingwi bejn, każijiet ġenwini ta’ min waqa lura fil-ħlas ta’ taxxa minħabba problemi temporanji u barra mill-kontroll tiegħu u każijiet anqas ġenwini minbarra li tiddiskrimina kontra min iħallas it-taxxa, għandha tiġi rtirata.

Permezz ta’ dan l-avviż legali, persuni li waqgħu lura fil-ħlas tat-taxxa tagħhom, jistgħu jaqtgħu dak li hu dovut minnhom billi jittrasferixxu taxxa li suppost kellha titħallas fuq trasferimenti ta’ proprjetà.

Tul il-pandemija, l-Oppożizzjoni dejjem appoġġjat kull inizjattiva tal-Gvern li tippermetti għal differiment tal-ħlas ta’ taxxa għal sidien ta’ negozji li jsibu ruħhom f’diffikultà.  Madanakollu, l-Partit Nazzjonalista jemmen li din l-amnestija hija diskriminatorja u daqqa ta’ ħarta lejn kull min ħallas sal-inqas ċenteżmu ta’ taxxa.

L-Oppożizzjoni tistaqsi wkoll il-motivazzjoni u lil min irid jaġevola l-Gvern Laburista biex kien lest jintroduċi miżura li tmur kontra l-pjan ta’ azzjoni stabbilit mill-FATF biex Malta titneħħa mil-lista l-griża. Filfatt, din l-aġenzija saħqet li l-isforzi tal-Gvern għandom ikunu ffukati fuq il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u proprju waħda mill-ewwel deċiżjonijiet li jieħu l-Gvern wara t-tnedija ta’ dan il-pjan tkun miżura li taġevola lil min evada t-taxxa.

Dan kollu sar minn wara dahar kulħadd, kif jixhdu stqarrijiet ta’ kundanna minn bosta istituzzjonijiet li jirrappreżentaw negozji u professjonisti differenti.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li dan mhux aċċettabbli u għaldaqstant l-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq mozzjoni fil-Parlament biex titlob il-Gvern jirtira minnufih dan l-Avviż Legali li jkompli jgħarraq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.