Lokali Qorti

Immultat €1,000 wara li fera ħafif b’mus raġel li kien għall-affari tiegħu

Anzjan ta’ 67 sena mir-Rabat ġie mmultat €1,000 wara li nstab ħati li xejjer mus f’wiċċ raġel ieħor fl-inħawi tal-Fiddien fil-limiti tar-Rabat. Paul Azzopardi nstab ħati wkoll li f’Marzu tas-sena l-oħra kkaġuna ġrieħi ħfief u ħsara fil-karozza li kien fiha, li kellu mus mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija u kiser il-paċi pubblika b’għajjat, storbju u ġlied u li ħebb għal Giovanni Spiteri.

Giovanni Spiteri li l-verżjoni tiegħu ġiet emmnuta mill-Maġistrat Rachel Montebello xehed li fl-10 ta’ Marzu 2020, għall-ħabta tal-11.00am. huwa kien mar biex jittawwal in-naħal li għandu l-Baħrija u kif kien ħiereġ ‘il barra bil-karozza u kien wasal il-Fiddien, daqqlu l-mobile.

Tenna kien ċertu wieħed Għawdxi, u huwa tefa’ mal-ħajt fejn kien hemm ftit wisa’ biex iwieġeb it-telefonata. Huwa qal li tefa l-magna u waqt li kien qiegħed jitkellem u kien aljenat bil-ħġieġa mniżżla, feġġ l-imputat, li kien rah ġej bil-mixi lejn il-karozza tiegħu u f’daqqa waħda ra par idejn b’mus lejn id-direzzjoni ta’ wiċċu.

Sostna li l-imputat beda jxejjer il-mus ġo wiċċu għal xejn b’xejn. Dak il-ħin huwa beda jsaqsi lill-imputat għalfejn kien qed jagħmillu hekk għax kien ħa jweġġgħu u staqsih ukoll jekk hux f’sensih. Ix-xhud kompla jgħid illi huwa beda jipprova jilqa’ għall-mus u qabad idejn l-imputat biex ma jħallihx jolqtu f’wiċċu bil-mus iżda meta għamel hekk, qatagħlu subgħajh bil-mus u b’idu l-oħra tah daqqa ta’ ponn mal-ġenb ta’ ħalqu fuq in-naħa tax-xellug.

Għalkemm ma kinitx daqqa ta’ ponn fenomenali, ix-xhud qal li bid-daqqa il-parti ta’ wiċċu li ntlaqtet, intefħitlu. Ix-xhud qal ukoll illi huwa ma setax itella’ l-ħġieġa tal-karozza tiegħu biex iwaqqaf lill-imputat milli jkompli jħebb għalih peress li l-karozza kienet mitfija.

Bil-mus l-imputat laqat ukoll il-lasktua tal-ħġieġa, baraxlu l-bieba tal-karozza kif ukoll għamillu daqqa fil-bieba b’irkopptejh. Hekk kif l-imputat telaq, huwa saq lejn iċ-Ċentru tas-Saħħa għaliex id-demm beda nieżel ġol-vettura u sussegwentement, mar jirrapporta l-każ fl-Għassa tal-Pulizija.

Waqt li l-Qorti rrimarkat li Azzopardi kien qal lill-Pulizija li huwa mbotta lil Spiteri u għalhekk ikkontradixxa dak li xehed, hija sabitu ħati tal-ewwel tliet akkużi, dik li kiser il-paċi u l-bon ordni b’għajjat, storbju jew ġlied, talli ħebb għal Giovanni Spiteri u kkaġunalu ġrieħi ta’ natura ħafifa u li b’nuqqas ta’ ħsieb jew bi traskuraġni jew b’nuqqas ta’ tħaris tarregolamenti ikkaġuna ħsara fħal ammont ta’ 289.35 euro fuq il-vettura.

Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Maġistrat Montebello qalet li “l-imputat m’huwiex novizz fid-delitt ta’ offiżi ta’ natura volontarja” u minbarra l-€1,000 multa ordnatlu biex għal żmien sena ma jdejjaqx lil Spiteri nkella kien se jiġi mmultat €1,000 oħra. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Wayne Camilleri.