Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Permess għal lukanda f’Ħad-Dingli ikun traġedja oħra fl-ippjanar – Moviment Graffitti

Attivisti jiġbdu l-attenzjoni tal-PA, IM u l-ERA dwar il-bini ta’ bungalows f’ODZ

Il-Moviment Graffitti ġibed l-attenzjoni għall-fatt li jekk joħroġ il-permess biex fabbrika tan-nar issir 10 bungalows, “ser naraw traġedja kbira oħra fil-qasam tal-ippjanar.”

Id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar dan l-iżvilupp kontroversjali ser tittieħed nhar il-Ħamis. Huma saħqu li dan l-iżvilupp, jekk jiġi approvat, ser jisraq iktar art mhux mittiefsa għal kumpless ta’ residenzi b’pixxina, parkeġġ u blokk amministrattiv.

“Din l-applikazzjoni hija tentattiv ieħor biex bla ebda mistħija ta’ xejn jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq l-iżvilupp ODZ. Jekk tiġi approvata, ser tiftaħ il-bibien għal iktar applikazzjonijiet simili f’żoni oħra madwar Malta,” qal kelliem tal-grupp.

“L-art inkwistjoni tinsab f’Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni minħabba l-valur ekoloġiku għoli tal-irdum tagħha u ħdejn żewġ Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali għall-konservazzjoni ta’ għasafar tal-baħar li jbejtu fil-gżejjer Maltin u li ser jintlaqtu ħażin mit-tniġġis tad-dawl. L-art hija wkoll Żona ta’ Importanza Ekoloġika u Żona ta’ Pajsaġġ b’Valur Għoli.”

Fid-dawl tat-tattiċi kostanti u persistenti li jużaw l-iżviluppaturi biex jheddu il-protezzjoni li joffri l-istatus tal-ODZ, il-grupp jistaqsi wkoll jekk il-fatt li s-sit huwa ODZ għadx għandu tifsira.

“Il-permess oriġinali għall-fabbrika jinkludi l-kundizzjoni espliċita li l-post ma jsirx appartamenti tal-vaganzi. Il-permess oriġinarjament ingħata abbażi tan-natura perikoluża tal-produzzjoni fil-fabbrika u għax tirrikjedi post ‘il bogħod minn żoni residenzjali.”

Il-grupp enfasizza wkoll il-mod qarrieqi li bih Infrastructure Malta qabbdet l-ilma mal-fabbrika abbandunata qabel il-fażi tal-applikazzjoni. Dan sar għaliex l-applikazzjonijiet preċedenti tal-2017 fallew peress li ma kienx hemm it-tali servizz fis-sit.

“B’hekk jirriżulta li Infrastructure Malta użat fondi pubbliċi għal żvilupp privat u biex tiżgura li l-iżviluppaturi jsibu l-inqas ostakli possibbli biex jikkummerċjalizzaw żona mhux mittiefsa. L-applikanta stess, Maria Sant, iddikjarat li ma kienx hemm bżonn qtugħ ta’ trinek biex l-iżvilupp jiġi konness man-netwerk tad-distribuzzjoni tal-ilma. Dan jikkonferma bil-miktub li IM użat fondi pubbliċi biex żvilupp privat jiġi approvat.”

Moviment Graffiti spjegaw li barra minn hekk u fir-rigward ta’ dan il-każ, bħalissa għaddejja inkjesta maġisterjali dwar l-użu ħażin tal-fondi tal-UE mill-Maġistrat Josette Demicoli, li tgħid li dan huwa probabbilment reat kriminali. L-inkjesta qed tinvestiga lil Stefan Zrinzo Azzopardi (is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi tal-UE), il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli u entitajiet governattivi oħra dwar l-użu ħażin ta’ fondi tal-UE biex jinbena ħajt tas-sejjieħ għoli fit-triq li twassal għall-iżvilupp propost.

“Huwa diġà gravi li l-Awtorità tal-Ippjanar ma intervjeniet qatt biex twaqqaf ix-xogħlijiet. Jekk il-membri tal-bord jivvutaw favur l-iżvilupp jirriskjaw kompliċità f’reat kriminali,” qal il-grupp.

Il-grupp spjega li l-iżvilupp ser jgħaddi vetturi tqal minn mogħdijet dojoq fil-kampanja u jeqred is-serenità taż-żona, filwaqt li ż-żieda fit-traffiku mit-turisti u l-vetturi tas-servizz ser jheddu l-valur ekoloġiku u naturali taż-żona. Dan irendi kull dispożizzjoni legali għall-ħarsien taż-żona inutli.

Il-Moviment Graffitti kkritika wkoll lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li l-ewwel oġġezzjonat għall-iżvilupp imbagħad, kif rat il-pjanijiet il-ġodda, bidlet il-ħsieb. “Il-U-turn tal-ERA huwa ċar għal kulħadd. L-Awtorità l-ewwel iddikjarat li “ma tappoġġjax il-prinċipju li l-iżvilupp preċedenti għandu jservi bħala skuża għal aktar żvilupp”, madankollu fl-approvazzjoni għarfet “il-bini li diġà hemm fuq il-post”. L-awtorità b’hekk qed tgħid b’mod ċar li mhix obbligata taġixxi fuq il-prinċipji tagħha stess.

Il-grupp enfasizza wkoll li, skont is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, “dan l-iżvilupp kbir ser jirriżulta fil-formalizzazzjoni ta’ pajsaġġ sinifikanti rurali u kulturali li jinsab barra miż-żona tal-iżvilupp”, u qalet li l-post għandu jitwaqqa’ għar-rijabilitazzjoni tas-sit.

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli wkoll oġġezzjona għall-iżvilupp.Il-Moviment Graffitti jisħaq li din l-applikazzjoni m’għandhiex tintlaqa’ u li l-entitajiet tal-gvern għandhom jieqfu jaġevolaw mill-fondi pubbliċi lill-iżviluppaturi, li għamlu l-kampanja Maltija r-riżorsa personali tagħhom.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li l-applikazzjoni waslet sa dan l-istadju, jindika traġedja, u jekk joħroġ il-permess, is-sitwazzjoni ser tkompli tiggrava għax ikun inħoloq preċedent ieħor għal iktar żvilupp fuq art ODZ.