- Il-Ministru Owen Bonnici
Il-Ministru Laburista Owen Bonnici qal li din il-bidla ilu li wasal iż-żmien għaliha biex hekk nieqfu naqbdu grupp ta’ persuni u nagħmluhom ikkriminalizzati. Kull min inqabad bi ftit kannabis spiċċa tressaq il-Qorti, spiċċa kriminalizzat u għadda minn proċess esaġerat.
Persuna li tagħmel użu mill-kannabis m’għandhiex tinqabad u tispiċċa kriminalizzata. Li tpejjep il-kannabis ma hix xi dritt fundamentali tal-bniedem, iżda bil-liġijiet li hemm illum din tispiċċa bid-drittijiet tagħha mnaqqra.
Persuna li b’mod responsabbli tagħmel użu mill-kannabis u jinqabad jispiċċa biex jitressaq il-Qorti, jispiċċa biex jitlef l-impjieg tiegħu u jispiċċa biex jgħaddi minn trawma bid-drittijiet tagħha jkunu mmermra
Wasal iż-żmien li tinqaleb il-paġna billi l-persuni li qed jistagħnew minn fuq dan kollu huma t-traffikanti tad-droga. Min jagħmel użu respnsabbli mill-kannabis irid jew ikabbar il-pjanta hu stess u jekk jinqabad jispiċċa l-ħabs jew inkella jispiċċa jidħol f’ċirku ta’ kriminalità għaliex ikollu jirrikorri għand it-traffikant biex jixtri d-droga li jkun irid bil-ħsarat kollha li din iġġib tagħha għaliex ħadd ma jkun jaf id-droga sintetika b’hix tkun saret.
F’dan kollu t-tfal huma l-inqas protetti f’dan ix-xenarju kollu. Il-kriminali mhux se joqogħdu jaraw l-età ta’ min jitolbu d-droga. U għalhekk dawn il-kriminali jistagħnew u jħaxxnu buthom għaliex dawn jiġu jaqgħu u jqumu mill-interess tat-tfal u tal-vulnerabbli.
Hemm min jgħid li f’pajjiżna hawn 32,000 jew 40,000 persuna li jagħmlu użu mill-kannabis. Li hu żgur hu li l-ammont ta’ persuni li jinqabdu bil-pussess tal-kannabis hu relattivament kbir. Għadd kbir ta’ persuni li jitressqu l-Qorti jew quddiem it-Tribunal sempliċiment għaliex jinqabdu fil-pussess tal-kannabis.
Anki jekk persuna waħda biss tuża l-kannabis, is-soċjetà għandha l-obbligu li tara li din il-persuna ma titħalliex tbati għaliex sempliċiment tinqabad bil-kannabis. Aħseb u ara meta qed nitkellmu dwar għexieren ta’ eluf ta’ persuni li jużaw il-kannabis.
Hu qal li ħadd m’hu jgħid lil ħadd biex jagħmel użu mill-kannabis. Iżda min irid jagħmel użu mill-kannabis allura dan għandu jagħmel ħsara mill-inqas lilu nnifsu billi juża kannabis li tkun skont il-liġi biex dak li jkun ikun jaf x’inhu jieħu.
Il-Gvern qed jopproponi għal formula bilanċjata dwar l-użu tal-kannabis u dan biex dan l-Abbozz ta’ Liġi jkun ta’ ġid għall-pajjiż.
Dan l-Abbozz ta’ Liġi qanqal ħafna kontroversji u tajjeb li din id-diskussjoni twarrab kull partiġjaniżmu.
Hu qal li wieħed mill-iskopijiet tal-Gvern b’dan l-Abbozz ta’ Liġi hu li jaqta’ kull relazzjoni bejn min juża l-kannabis u l-kriminalità. Fejn tidħol il-kannabis il-Gvern ma jridx li min jagħmel użu mill-kannabis jispiċċa ttimbrat bħala kriminal. L-użu tal-kannabis għandu jsir taħt kontroll.
Il-Gvern jemmen f’din ir-riforma u konvent li din se tagħmel ħafna ġid. Sa seba’ grammi ma jkunx invvestigat mill-Pulizija. Ma tistax titjeppep fil-pubbliku. Sa erba’ pjanti biss jistgħu jitkabbru f’kull residenza u l-koltivazzjoni trid issir fl-ambjent apposta tagħha, jiġifieri ġewwa u b’tali mod li ma tagħmilx fastidju lil ħaddieħor. Persuna tista’ żżomm imnixxfa sa ħamsin gramma biss.
Il-Ministru Bonnici qal li l-Gvern se jagħti wkoll ir-rotta li għandha tkun segwitha għall-kisba tal-kannabis u din ir-rotta għandha twassal għal daqqa kbira lit-traffikanti tal-kannabis; lill-kriminali.
Se jkun hemm assoċjazzjonijiet non profitabbli li se jiftħu l-outlets tagħhom dejjem mhux għal skop ta’ profitti, li jkabbru huma l-kannabis. Dawn l-assoċjazzjonijiet jistgħu jbiegħu lil membri tagħhom – sa massimu ta’ 500 membru biss – u jistgħu jbiegħu lil dak li jkun sa massimu ta’ seba’ grammi biss kuljum.
F’kull outlet se jkun permissibbli biss li jkun hemm mal-500 gramma u dawn iridu jiftħu 250 metru minn skola, klabb jew ċentri taż-żgħażagħ. L-iskop hu li dawn l-outlets ikunu fil-periferija. Barra minhekk dawn l-outlets ma jkunux jistgħu jagħmlu reklami u ma jista’ jsir l-ebda tlajjar għal skop ta’ bejgħ ta’ kannabis.
Dan kollu se jkun regolat minn awtorità ġdida li se titwaqqaf u tkun ir-Regolatur ta’ dan is-settur u li fiha jkun hemm iservu nies kompetenti u esperti. Din l-Awtorità, bin-nies it-tajbin, se tkun tista’ tagħti messaġġ b’saħħtu ta’ kontroll u regolamentazzjoni.
Din l-Awtorità se jkollha wkoll ir-rwol li teduka u li tinforma. Tajjeb li pajjiżna jkollu r-riċerka u d-data li hemm bżonn dwar is-suġġett.
Din se tkun qed tagħmel ir-regoli kif il-kannabis tkun ippakkjata, dwar it-tkabbir u kull tliet xhur kull assoċjazzjoni tkun trid tagħti rendikont dwar kemm għandha membri u dettalji oħrajn ukoll.
Hu qal li m’għandu jkun hemm l-ebda persekuzzjoni tal-persuni li jkabbru l-pjanti tal-kannabis id-dar. Il-persuni li jikkonsmaw il-kannabis għandhom ikunu trattati b’dinjità.
Tkellem ukoll dwar il-prodotti tas-CBD u qal li skont il-Qorti Ewropea dawn il-prodotti għandhom jitħallew jiċċirkolaw fil-pajjiżi Ewropej. Dan is-CBD se jkunu jistgħu jibdew jiċċirkolaw ukoll fil-pajjiż darba tgħaddi din il-Liġi.
Iż-żerrigħa tal-kannabis, fl-istat ta’ żerriegħa, taqa’ taħt din il-kategorija, u għalhekk se tkun faċilment ċirkolabbli fis-suq u persuna tkun tista’ tieħu mal-għoxrin żerriegħa f’kull xahar mill-assoċjazzjoni li tagħha jkun membru.
Owen Bonnici qal li miżura oħra hi dik li se tingħata l-għodda biex min għandu l-kondotta mċappsa minħabba l-konsum tal-kannabis, ikun jista’ jnaddaf il-kondotta.
Irrifera għal dak li qalu l-Kamra tal-Kummerċ u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem dwar l-użu tal-kannabis fil-post tax-xogħol u qal li kull post tax-xogħol għandu kull dritt li jimponi r-regoli tiegħu. Dak hu dritt li qiegħed hemm u għandu jibqa’ hemm, iżda fil-postijiet tax-xogħol m’għandu jkun hemm l-ebda persekuzzjoni.
Dwar il-limitu tat-THC, Owen Bonnici qal li r-risposta tiegħu hi li mill-mument li l-Liġi tagħmel il-limitu, allura jkun qed joħlok lok biex il-kriminalità tkompli.
Filwaqt li appella biex titnaddaf kull stigma fil-konfront tan-nies li jikkonsmaw il-kannabis, Owen Bonnici qal li dan hu mument ta’ bidla importanti oħra u wieħed m’għandux jibża’ jwarrab ċertu kritika ta’ assolutiżmu u janalizza bis-serjetà din ir-riforma li se tkun qed tagħti daqqa kbira lill-kriminalità.
//= $special ?>