Lokali Parlament

Rosianne Cutajar mċanfra dwar ksur ta’ etika

Id-deputati tal-Gvern jivvutaw kontra sospensjoni ta’ xahar lid-deputat Laburista

Id-deputat Laburista Rosianne Cutajar ingħatat biss ċanfira mill-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika wara li nstabet ħatja li kisret il-kodiċi ta’ etika meta ddikjaratx rigal ta’ €9,000 mingħand Yorgen Fenech f’każ ta’ senserija ta’ €46,000.

Il-ġimgħa li għaddiet Rosianne Cutajar instabet ħatja unanimament mill-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika li kisret il-Kodiċi ta’ Etika meta ma ddikjaratx rigal ta’ €9,000 mogħti lil minn Yorgen Fenech fil-każ tas-senserija ta’ €46,000 li allegatament hi rċeviet f’bejgħ ta’ propjetà fl-Imdina. Is-seduta tal-ġimgħa li għaddiet il-Kummissarju tat-Taxxa Interna kkonferma li Rosianne Cutajar qed tkun ivnestigata mid-Dipartiment dwar dan il-każ.

Wara l-vot tal-membri tal-Kumitat, ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler, li fih ukoll Rosianne Cutajar instabet ħatja li kisret il-Kodiċi ta’ Etika, kien addottat u aċċettat mill-Kumitat.

Fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Gvern hu rappreżentat mill-Ministru Edward Zammit u l-Whip Laburista Glenn Bedingfield waqt li l-Oppożizzjoni hi rappreżentata mid-deputati Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia. Il-Kumitat hu persedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Id-deputat Laburista kienet notifikata bid-deċiżjoni tal-Kumitat u kienet informata li setgħet tagħmel sottomissjonijiet lill-Kumitat. Rosianne Cutajar għażlet li tixhed u dehret quddiem il-Kumitat u qalet li temmen li kienx hemm ksur ta’ etika jew le kellu jkun determinat mill-ezitu tal-Kummissarju tat-Taxxa u jkun hemm il-fatti kollha.

Hi qalet li ma kellhiex tingħata sanzjoni dment li l-Kummissarju tat-Taxxa għadu qed jinvestiga u insiset li tkun ġudikata meta tintemm l-investigazzjoni tal-Kummissarju tat-Taxxa. Rosianne Cutajar sostniet m’hemmx prassi lid d-deputati jniżżlu r-rigali fid-dikjarazzjoni u hi qatt ma ngħatat rigal biex taġevola lil xi ħadd. Hi sostniet li ma niżżlitx dan ir-rigal bi vista.

L-Avukat Edward Gatt qal li hi qatt ma ċaħdet li ħadet is-somma ta’ €9,000 u qed titlob biss li d-deċiżjoni tittieħed wara li l-Kummissarju tat-Taxxa jlesti l-investigazzjoni tiegħu.

Wara li lestiet is-sottomissjoni tagħha Rosianne Cutajar ħarġet mis-seduta u l-kumitat kompla jiddiskuti l-każ.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li Rosianne Cutajar ipprovat tidħak bil-Kumitat. L-Ispeaker qal li fuq ir-rigal Rosianne Cutajar qed tgħid li għmlet żball waqt li fuq is-senserija qed tistenna r-rapport tal-Kummissarju għat-Taxxa.

Id-deputat Nazjzonalista Karol Aquilina qal li hu stabblit li Rosianne Cutajar ma għamlitx korrezzjoni fid-dikjarazzjoni tal-assi u m’hemmx informazzjoni li daret korrezjzni fid-dikjarazzjoni tat-taxxa.

Hu qal li kien jistenna li Rosianne Cutajar ttitlob skuża iżda minflok ipprovat tgħid li fuq ir-rigal għamlet żball amministrattiv waqt li baqgħet issostni li tistenna l-ivestigazzjoni fuq is-senserija. Dan juri li Rosianne Cutajar ma tridx tikkopera u mhix tirrikonoxxi li hemm nuqqas min-naħa tagħha. Karol Aquilina qal li f’dan il-każ għandu jkun hemm sanzjoni li tkun waħda ta’ eżempju għal kulħadd fil-kuntest tal-ammonti involuti u li l-persuna għandha kuntratti tal-gvern. Hu rakkomanda li Rosianne Cutajar tkun sospiża xahar minn deputat beix b’hekk ikun ċar li affarijiet bħal dawn m’humiex aċċettabbli fis-sistema politika.

Il-Ministru Zammit Lewis qal li Rosianne Cutajar diġà ħallset il-prezz meta ma baqgħetx Segretarju Parlamentari u sostna li ma jaqbilx li l-każ ikun imtawwal. Hu qal li Rosianne Cutajar ma taqbilx mar-rapport tal-Kummissarju George Hyzler u sostna li m’għandhiex issir inkwiżizzjoni minn Rosianne Cutajar.

Il-Ministru Zammit Lewis kompla li kemm ilu jaħdem il-Kumitat tal-Istandards qatt ma impona sospenzjoni ta’ deputat u għalhekk m’għandux ikun hemm sospenzjoni f’dan il-każ. Hu ppropona li Rosianne Cutajar tingħata biss ċanfira f’kuntest ta’ persuna li diġà ħallset prezz politiku qares.

Id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia qalet li l-iqnas ħaġa li stenneit minn deputati preżenti hu li jmur quddiem il-Kumitat u jgħid li dak li ammettiet kellu jkun dikjarat fid-dikjarazzjoni tal-assi.

Minflok għamlet dan, Rosianne Cutajar ammettiet li ħadet €9,000 f’rigal għall-birthday u ammettiet ukoll li pparteċipat sew fil-bejgħ tal-propjetà iżda ma rrispettatx lanqas lill-Uffiċċju tal-Ispeaker fejn kellha tagħmel id-dikjarazzjoni. Hi qalet li ma tridx vittimizzazzjoni tal-persuna u għalhekk ċanfira biss mhix biżżejjed tant li għamlitx korrezzjoni. Ma tantx jidher li Rosianne Cutajar iddispjaċieha għal dak li wettqet, sostniet Therese Comodini Cachia.

L-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li l-pubblikazzjoni tar-rapport diġà hu sanzjoni fih innifsu u kompla li jrid ikun ikkunsidrat x’jiġri wara d-deċiżjoni tal-Kummissarju tat-Taxxa. Il-Kumitat jista’ jobbliga lil Rosianne Cutajar li temenda d-dikjarazzjoni tal-assi u għalhekk ippropona li d-deputat Laburista għandha tingħata ċanfira iebsa.

L-Ispeaker ressaq din il-proposta għall-vot bil-kumitat jiddiskuti l-mod kif għandha tinkiteb iċ-ċanfira. Meta ttieħed il-vot iż-żewġ deputati tal-gvern u l-Ispeaker ivvotaw favur iċ-ċanfira waqt li d-deputati Nazzjonalisti ivvotaw kontra. Qabel dan il-vot, il-kumitat ma approvax proposta tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina biex Rosianne Cutajar tkun sospiża xahar minn deputat. Id-deputati Nazzjonalista pproponew li Rosianne Cutajar tirranġa d-dikjarazzjoni tal-assi.