Qorti

Sentenza sospiża wara li qabbad kamra f’għalqa wara ġlieda fuq l-insib

Raġel ta’ 38 sena minn Birkirkara ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li f’Settembru tal-2017 għall-ħabta tal-11.00pm.  qabbad għalqa li tinsab aktar il-ġewwa mis-sezzjoni tal-forensika ta’ l-isptar Monte Carmeli fi Triq l-Imdina, Attard.

Darren Galea instab ħati li għamel ħsara b’aktar minn 2,500. Dan l-inċident irriżulta li seħħ fit-3 ta’ Settembru 2017 u dan fuq  kwistjoni li għandha x’taqsam mal-insib. Mill-investigazzjoni tal-pulizija irriżulta li n-nar fil-kamra ġiet kkawżata ħsara estensiva u li gew distrutti diversi oġġetti li kienu jinsabu fiha.

Minn dak li ħareġ fl-Qorti jirriżulta li l-ħati u l-vittma ma kienux jitkellmu. Wara li l-pulizija komplew jinvestigaw nies li kienu suspettużi, irrizulta  li l-imputat kien il-persuna li mar iqqabad. Irriżulta li ntefa’ ammont konsiderevoli ta’ aċċellerant f’din il-kamra. Dan kien evidenti mill-qsim u l-kulur tal-ġebla Maltija tal-kamra li jseħħ biss jintleħqu ċertu temperaturi.

Gie nnutat ukoll li kienet seħħet bħal spluzjoni fejn ghola s-saqaf minħabba l-pressjoni li tinħoloq bil-fwar  li joħloq l-aċċellerant. Madankollu ċ-ċilindru tal-gass li kien hemm ma kienx sploda. L-għada filgħodu nstabu fuq il-post lighter u t-shirt li ġew elevati. L-espert tal-Qorti spjega li kien sar ukoll kuntatt mal-Burns Unit tal-isptar Mater Dei u dawn ikkonfermaw li daħlet persuna bi ħruq konsistenti mal-marki fuq it-t-shirt li nstab.

Fis-seduta tal-11 t’April 2019 xehed is-Surġent James Robert Magro, stazzjonat fl-Għassa ta’ Birkirkara, li spjega li fl-4 ta’ Settembru 2017 għall-habta tas-7:30pm daħal rapport mill-vittma li kient inħarqitlu l-kamra li kellu fl-għalqa, viċin il Forensic Unit tal-Isptar Monte Carmeli.

Fuq il-post gie nnutat li kien hemm ħsara konsiderevoli, il-bieb mifqugħ u taraġ garigor tal-ħadid imwaqqa’. Mal-art kien hemm mannara li ma kienitx tiegħu  u kontenitur li kellu riħa ta’ pitrolju. Kienet infetħet Inkjesta Maġisterjali fuq l-inċident. L-għada dahlet informazzjoni li l-vittma kellu suspetti fi tliet persuni. Wieħed minnhom, li rriżulta li kien Darren Galea, kien jinsab il-Burns Unit fl-Isptar Mater Dei.

Dan gie u stqarr li nqala’ diżgwid bejnu u bejn il-vittma u fid-dagħdiha dak il-ħin mar il-pompa, mela kontenitur bil-pitrolju, għadda min-naħa ta’ wara, daħal ġol-ghalqa u qabbad il-kamra t’isfel fejn imbagħad kien spiċċa nħaraq huwa stess.

Fil-Qorti huwa d-diżgwid kien minħabba li l-imputat u l-vittma għandhom l-għelieqi ħdejn xulxin u xi affarijiet relatati mal-kaċċa. Mill-provi mressqin ma huwiex kontestat li saret ħsara estensiva lill-kamra u dak kollu li kien ġo fiha u li l-valur jammonta għal €5,627.29.

Mandankollu filwaqt li l-parte civile kien hu stess li indika u informa li l-kamra mhiex tiegħu iżda ta’ ħaddiehor, il-prosekuzzjoni ma ressqitx prova ta’ min huwa s-sid tal-kamra u li l-ħsara tal-kamra soffriha hu. Dan, qalet il-qorti qed jingħad ghal-finijiet ta’ kunsiderazzjonijiet ta’ kumpens li tista tagħmel l-istess Qorti.

Il-Qorti għalhekk qalet li in vista ta’ din id-dipartenza bejn l-espert perit u l-parte civile stess, li l-iktar konsiderazzjoni raġonevoli sabiex jiġi kkunsidrat il-valur tal-ħsara hija li tieħu t-triq tan-nofs u tqis li l-valur tal-ħsara ta’ l-oggetti ghandhom jiġu kkunsidrati fl-ammont ta’ €3,381.

Il-Qorti ħadet konjizzjoni wkoll li l-imputat u l-parte civile ftehmu bejniethom u li l-imputat għadda s-somma ta’ €3,750. Għal-finijiet ta’ piena, l-Qorti qieset, diversi fatturi. Il-kondotta, li minkejja li hemm żewġ sentenzi reġistrati, ma jirriżulta xejn alarmanti. Il-fatt ukoll li l-imputat wera dispjaċir ta’ għemilu u li swaqt il-proċeduri l-imputat ħallas lill-parte civile somma flus rappreżentanti ħsarat li kkaġuna lilu.

Tħejja wkoll ‘Social Inquiry Report’ li rriżulta li l-imputat m’għandux passat refrattarju u li dan l-incident seħ minħabba argument li eskala bejn il-partijiet relatat ma l-insib.

Ir-rapport jindika li l-imputat għandu ħajja stabbli, jaħdem, għandu d-delizzju tieghħ, jieħu hsieb u jmanti t-tfal tiegħu u jimxi sew mal-ġenituri tieghu u oħtu. Ġie rrakomandat li jkun għaqli li l-imputat jibqa’ jaħdem buq bażi full time u jingħata piena alternattiva għal dik ta’ inkarċerazzjoni.

Il-Qorti bla tlaqliq ta’ xejn tqis li dan ir-reat kien għal kollox kapriċċjuż u li faċilment seta’ ġie evitat. Ċertament il-fatt li l-imputat stess sofra ġriehi gravi fuqu stess hija turija ta’ kemm poġġa lilu nnifsu f’periklu u kemm ġab inkwiet fuq lilu nnifsu b’din l-azzjoni li saret f’saħna tal-mument.

Minn dak li rat u eżaminat il-Qorti jirriżulta li l-Qorti trid tara mhux biss l-aspett riformattiv ta’ l-imputat iżda trid ssib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien u l-interessi tas-soċjetà in generali sabiex tara li dan ir-reat ma jerġax jiġi kommess kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtiega lil pubbliku.

Il-Qorti qalet ukoll li għandha responsabilità tara li żżomm il-bilanċ bejn dak li huwa fl-interess tas-soċjeta u dak li huwa fl-interess ta’ l-imputat. Għalhekk hija tal-fehma illi piena karċerarja f’dan l-istadju ma hix se tħalli il-frott illi wieħed jkun qed jistenna anzi il-kuntrarju u għalhekk  ikkundannatu għal sentejn ħabs sospiżi erba’ snin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Rodrick Spiteri.