“Jeħtieġ li naħdmu biex inwettqu bidla strumentali biex il-Parlament tassew jagħmlilna ġieħ”.
Dan qalu l-Kap tal-PN Bernard Grech waqt attività fil-Parlament imtella’ mill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi hekk kif din is-sena qed jitfakkar il-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Parlament.
Bernard Grech qal li jeħtieġ tibdil kostituzzjonali, u din hija l-missjoni tal-PN – li meta jkun fil-Gvern jagħti s-saħħa biex anki dawk fl-Oppożizzjoni jkollhom l-għodda biex jaħdmu u jirrapreżentaw lill-poplu.
“Id-demokrazija Parlamentari trid tkompli tirbaħ kuljum. Bl-azzjonijiet tagħna, bil-mod kif id-deputati eletti mill-poplu jġibu ruħhom fil-Parlament u fl-eżerċizzju tal-poter li jafdalhom il-poplu”.
Il-Kap tal-PN għamel referenza lejn id-demokrazija Parlamentari li fuq kollox dejjem ħaddan il-PN, fejn ħadem biex il-maġġoranza tal-poplu ikollha l-maġġoranza fil-Parlament.
Fid-diskors tiegħu Bernard Grech ta ħarsa lejn ħajjet Nerik Mizzi, u fakkar kif bil-ħidma ta’ dan l-eks Prim Ministru Nazzjonalista pajjiżna kiseb rispett kbir, u hu bħala politiku kiseb anki rispett mill-avversaji politiċi tiegħu, għax għażel li jaħdem għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Bernard Grech qal li din hija l-politika li llum il-ġurnata l-poplu Malti jeħtieġ, li tħares il-ġid komuni u li tkun ibbażata fuq ir-rispett.
“Irridu Parlament fejn il-poplu jħossu mhux biss rappreżentat imma wkoll parteċipi permezz tad-deputati eletti minnu. Deputati li jservu biss lill-poplu. Deputati li jżommu għoli d-dinjita’ ta’ din l-Istituzzjoni, ta’ pajjiżna u tal-poplu tagħna”.
//= $special ?>