Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Gvern qed jipproponi li l-14 ta’ Diċembru tkun l-aħħar ġurnata ta’ dan it-term ta’ xogħol parlamentari biex hekk il-Kamra tkun tista’ tieqaf għall-vaganzi tal-Milied.
Dakinhar, jiġifieri fl-14 ta’ Diċembru 2021, jittieħdu l-votazzjonijiet dwar il-voti finanzjarji kollha tal-Baġit għas-sena d-dieħla. Is-seduta tibda fit-3 p.m. u tkun allokata biss għat-teħid tal-votazzjonijiet relatati mal-Baġit. Il-Kamra mbagħad tissokta bix-xogħol tagħha fl-10 ta’ Jannar 2022.
Id-Deputat Parlamentari Glen Bedingfield, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista, talab lill-Kumitat biex jekk dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kannabis l-Oppożizzjoni se tkun qed titlob Division, allura dan għandu jittieħed fl-24 ta’ dan ix-xahar. Talab ukoll li dan ikun japplika għal kwalunkwe Division li l-Oppożizzjoni tista’ titlob minn issa sal-24 ta’ Novembru 2021.
Hu qal li d-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Kannabis se tibqa’ għaddejja sat-Tnejn li ġej.
Imbagħad il-parlament se jkun qed jibda jiddiskuti emendi għall-Abbozz ta’ Liġi 236 u Abbozz ta’ Liġi 237 li t-tnejn li huma jitrattaw is-Servizzi Finanzjarji. Id-diskussjoni dwar dawn iż-żewġ abbozzi ta’ liġijiet mistenni jieħdu sa massimu ta’ seduta u nofs.
Il-Kamra se jkollha quddiema wkoll l-Abbozz ta’ Liġi 250 li jitratta l-abbużi sesswali u l-abbużi tal-minorenni. Wara se jitressaq għad-diskussjoni l-abbozz ta’ liġi li jtratta l-protezzjoni tal-infurmatur.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne informa lill-Kumitat li l-aħħar jum ta’ dibattitu effetiv fil-parlament se jkun dak tas-7 ta’ Diċembru 2021.
//= $special ?>