Il-flus li qed tieħu l-kumpanija Steward Healthcare, qed noħorġuhom mit-taxxi taghħna u qed nitilfuhom minn investiment li jista’ jsir għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
“Issa immaġina kieku dawk il-flus kienu għandna kieku stajna ma’ dawk il-25 proposta għamilnihom 35 jew 40. Propost għall-pensjonanti tagħna, għaż-żgħażagħ, għall-persuni b’diżabbilta, għall-mediċini, għall-edukazzjoni. Flus li qed noħorġuhom mit-taxxi tagħna u qed nitilfuhom mill-proġetti li nistgħu nagħmlu f’investiment fil-budget tagħna kull sena.”
Dikjarazzjoi ċara mill-Kap Eżekuttiv tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella meta kien qed jintervjeni waqt il-programm Net Live tat-Tlieta filghaxija….fejn spjega kif Steward Healthcare stess ikkonfermaw li dan id-deal kien wieħed irregolari.
“Dan qed jgħiduh huma stess Steward li dan tramite r-rappreżentanti tagħhom qed jgħidu li kienu prattiċi irregolari and collusive, ifisser li saru ftehimiet sigrieti baxx baxx minn wara mingġajr ma taw ċans lill-kompetituri ugwali. Bl-ikbar ħsara ssir liċ-ċittadini Maltin.”
Josef Vella qal li pajjiżna spiċċa f’sitwazzjoni fejn il-Gvern daħħal lilu nnifsu f’fortizza. “Dan il-kuntratt hekk niddeskrivih, fortizza ġo fortizza… kuntratt li fih baqgħu jsiru l-emendi u kull darba inkabbru s-sur biex nipproteġu l-interessi ta’ Steward.”
Josef Vella qal li quddiem dan kollu, il-UHM Voice of the Workers se tkun qed tiftaħ protest ġudizzjarju biex ikunu protetti l-interessi tal-ħaddiema.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija Martin Balzan qal illi t-tobba mhu qed jaraw xejn minn dak li suppost kien imwiegħed li jsir fl-isptarijiet….f’dan il-famuz deal li l-mohh warajh kien Konrad Mizzi.