Lokali

Konrad Mizzi mhux se jidher quddiem il-PAC għaliex jinsab fl-isptar

Konrad Mizzi ġie msejjaħ biex ikompli bix-xhieda tiegħu l-Erbgħa li ġej fis-2pm wara li l-eks Ministru Laburista ddaħħal l-isptar tul il-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa wara li ħassu ma jiflaħx

Minħabba f’hekk Konrad Mizzi ma deherx quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi li qed jiskrutinizza l-kuntratt tal-Electrogas, b’sorsi ta’ Net News qalulna l-eks Deputat Mexxej Laburista ddaħħal l-isptar tard bil-lejl, u li l-kundizzjoni tiegħu hija waħda serja u li se jinżamm l-isptar għal diversi jiem.

L-Erbgħa waranofsinhar kien pjanat li jitkompla l-“oral presentation” ta’ Mizzi fil-PAC, hekk kif fl-aħħar ġimagħtejn Konrad Mizzi għażel li ma jweġibx għad-domandi li sarulu dwar il-kuntratt tal-Electrogas.

Fil-laqgħa li nżammet tal-Kumitat li għandu fi ħdanu d-deputati tal-PN Beppe Fenech Adami, Karol Aquilina u Ryan Callus, inqrat il-korrispondenza li bagħtu l-avukati ta’ Mizzi, fejn indikaw li se jkun indispost.

Tul il-laqgħa li ġejja tal-PAC ġie msejjaħ ukoll biex jixhed Paul Apap Bologna.