Xufier fuq tal-linja ta’ 43 sena mill-Kuwait ipprezenta rikors kontra l-Kummissarju tal-Pulizija dwar il-mod kif investigaw każ li huwa kien involut fih li seħħ fl-2019. Kamal Hani fi sfida li saret fil-Qorti tal-Maġistrati qed jgħid li qala’ xebgħa kbira minn passiġġier fejn spiċċa bi ġrieħi gravi f’għajnu x-xellugija u bid-demm nieżel minnha.
Hani li joqgħod Santa Venera qed jgħid li meta hu kien il-vittma, spiċċa akkużat li kkaġuna ħsara fuq il-passiġġer u li kkaġanulu feriti ħfief. Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia ġew ippreżentati ritratti ta’ Hani li juru l-ġrieħi li sofra u li minn dak li qed jgħidu t-tobba, huwa jista’ jsofri minn riperkuzzjonijiet fil-futur.
Ir-rikors li ġie ppreżentat fil-Qorti tal-Maġistrati jgħid li nhar it-Tlieta, 13 ta’ Frar, fis-sena 2019, il-Pulizija irċeviet rapport li kienet seħħet ġlieda għall-ħabta tal-5.00pm. fuq tal-linja bejn ix-xufier u wieħed mill-passiġġieri Jordan Kelly.
L-għada fuq dak li ġara Hani ta stqarrija lill-Pulizija fl-Għassa tal-Ħamrun.
Huwa kien beda l-vjaġġ tiegħu fis-2.30pm fuq ir-rotta 202 li hija minn Tas-Sliema għar-Rabat. Għall-ħabta tal-5.00-pm. meta kien għaddej minn Ta’ Qali u peress li kien hemm ‘diversion’ f’waħda mit-toroq tar-rotta, ix-xufier kif ftit minuti tard u għamel kuntatt mal-Control Room biex jinforma lis-superjuri tiegħu.
Waqt li kien qed jagħmel dan il-kuintatt, ħares lejn il-mera tan-nofs u lemaħ passiġġier iqum minn bilqiegħda, u jimxi fid-direzzjoni tiegħu. Il-passiġġier Jordan Kelly, jgħid ir-rikors, b’rabja kbira qallu li kien għafas il-qanpiena sabiex jinżelk fil-waqfa ta’ qabel, pero ix-xufier ma kienx waqqad il-karozza tal-linja.
Hani indikalu li fuq id-dashboard tal-karozza tal-linja ma mmarkalux li xi ħadd kien għafas il-qanpiena biex jinżel, u kien għalhekk li ma waqafx u qallu li kien se jwaqqfuq fil-bus stop li jmiss. Meta waqaf, jgħid ir-rikors Kelly beda jgħolli leħnu, joffendih u jitkellem ħażin, u dan minkejja li x-xufier baqa’jfehmu x’kien ġara.
L-Avukat Arthur Azzopardi li għamel l-isfida u ffirma r-rikors għan-nom tax-xufier, qal li kif jixhdu l-filmati tas-CCTV li hemm installati fil-karozza tal-linja, mal-waqfa li jmiss, il-passiġġier beda’ jgħajjat f’wiċċu, bix-xufier jaqbdu mill-flokk b’idejh ix-xellugija u mbuttah b’mod ħafif.
Hawn Kelly irreraġixxa, qabdu minn għonqu u tah diversi daqqiet ta’ ponn f’wiċċu, u kkaġunalu feriti gravi f’għajnu. Waqt din id-dagħdiha, x-xufier kien għadu f’kuntatt mal-control room u li dawn intebħu bil-kommossjoni u ndunaw li kien qed jiġri xi ħaġa.
Kien hawn li ddeċidew u nstemgħu jgħidu li se jibgħatu l-Pulizija fuq il-post. Sadanittant ix-xufier spiċċa miksi bid-demm tiegħu, bil-passiġġier jiddeċiedi li joħroġ mill-karozza u jitlaq. Hani mar warajh biex iwaqqfu mill-jitlaq, u skont ir-rikors Kelly dar u beda’ jagħtih bis-sieq f’dahru u tefgħu mal-art.
Wara waslet ambullanza li ħadet lix-xufier l-isptar. Minkejja dan il-Pulizija baqgħet ma ħadet l-ebda passi kontra l-passiġġier għax fil-fehma tal-Ispettur ma kienx hemm għalfejn jittieħdu passi kriminali fil-konfront tal-aggressur.
Id-difiża tax-xufiier qalet li hija trid li fil-kawża jkunu parteċipi l-passiġġiera kollha li kienu preżenti dak inhar tal-inċident, membri tal-Malta Public Transport, tal-Control Room, xufier ieħor li kien fuq ir-rotta 186 u li mar fuq tal-linja biex iferraq fil-ġlieda, tobba u l-Pulizija kollha nvoluti fil-każ.