Lokali Qorti

Sirjan ma jinstabx ħati li stupra Spanjola fil-bajja ta’ San Ġorġ


Sirjan ta’ 25 sena ma nstabx ħati mill-Maġistrat Gabriella Vella li fi Frar tal-2019 stupra tfajla Spanjola matul lejl kiesaħ fil-bajja ta’ San Ġorġ. Espert mediku li kien xhud importanti fil-każ qal li mit-testijiet li għamel ma jindika bla ebda mod li seħħ stupru.

Ahmed Hamed ġie lliberat minn akkużi li stupra lit-tfajla Spanjola għeluq sninha. Il-Qorti qalet li mill-provi li tressqu quddiemha jirriżulta li Hamed u t-tfajla kellhom x’jaqsmu flimkien b’mod kunsenswali. Is-Sirjan ma nstabx ħati li stupra lit-tfajla fil-lejl ta’ bejn it-23 u l-24 ta’ Frar wara li kienu ltaqgħu fi stabbiliment tad-divertiment f’Paceville.

It-tfajla qalet fil-Qorti li fil-bidu ħassitha komda mal-akkużat ħdejn il-baħar, u li kien hemm forma ta’ rapport b’mod kunsenswali. Dan iżda, skont hi sakemm imbuttaha, ċartilha l-qalziet u stupraha. Hija alet li pprovat tagħmel minn kollox biex twaqqfu u li dak il-ħin ħadd ma seta’ jgħinha għax kienu weħidhom fuq il-bajja f’xita nieżla. Hija qalet ukoll li Hamed beda jitbissem u ħallieha tibki fuq il-bajja.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li hija kkunsidrat il-fatti fuq dak li semgħet li kienu sħabha li wasluha d-dar u ħadd ma baqa’ jieħu ħsiebha għax iltaqgħet ma’ xi saram. Dan qajjem dubju lill-Qorti dwar kemm il-verżjoni tat-tfajla kienet kredibbli.

Il-Qorti qalet ukoll li skont l-istess tfajla hija kienet konxja ta’ dak li qed jiġri u kien minn jeddha li marret fuq il-bajja. In-nuqqas ta’ kunsens skont it-tfajla kien il-fatt li rreżistiet lill-akkużat, u dan wara li r-rapport bejn it-tnejn kien beda.
Madankollu, mill-provi li ħarġu mill-istat mediku u fiżiku tagħha ma jirriżultax dak li qalet hi. Il-Qorti qalet li dan ifiser li ma tistax tasal għall-konklużjoni li seħħ stupru u għalhekk illiberat liż-żgħażugħ minn kull ħtija. L-Avukat Noel Bianco deher għal Ahmed Hamed.