“Huma l-politiċi li jagħmlu din l-istituzzjoni u mhux l-istituzzjoni li tagħmel il-politiċi, hemm bżonn li nsaħħu l-istrumenti li l-Parlament għandu għad-disposizzjoni tiegħu biex jisalvagwardja l-integrità u d-dinjità tiegħu stess, u fejn hemm bżonn jissanzjona lil min jonqos fid-dmirijiet tiegħu jew tagħha.”
Hekk stqarr l-eks Prim Minisitru u l-eks Kap tal-PN Lawrence meta kien mistieden jaghmel diskors fil-Parlament waqt l-attività imtella’ mill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi.
Lawrence Gonzi qal li ħajjet il-politiku trid tkun wahda fejn jagħti ħajtu għall-ġid komuni. U tenna li l-istituzzjoni tal-Parlament għandha l-irwol li ssaħħaħ il-poplu, u tkun ta’ xprun biex intejbu s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna.
“Parlament li huwa simbolu ta’ identità Maltija sovrana.”
F’din il-100 sena mis-self government, l-eks Prim Ministru ta’ pajjiżna qal li l-Parlament għandu jaqdi l-funzjoni tiegħu, li jwettaq it-tajjeb, iżda wkoll li jagħti rendikont ta’ għemilu.
Huwa għamel referenza għall-fatt li l-Parlament irid jerġa’ jsir istituzzjoni rispettata mill-pubbliku. U qal li l-persuni eletti jridu jaħdmu biex isaħħu l-Parlament.
“L-imgħoddu u l-preżent juruna li l-futur ta’ pajjiżna, il-futur ta’ dan il-Parlament, jiddependi fuq kemm aħna se nkunu onesti, integri u dedikati għal ġid komuni f’pajjiżna”.
Ma setax jonqos li fid-diskors tiegħu jagħti ħarsa lejn ħajjet Enrico Mizzi; politiku li meta miet, ħalla warajh identità ta’ kif verament għandu jkun politiku. Huwa tenna li l-missjoni ta’ dawk li jirrapreżentaw lil pajjiżna u lill-poplu fil-Parlament, hi li jsaħħu l-Parlament biex ikun simbolu tal-identità Maltija.
Fl-istess attività tkellmu wkoll l-eks Speaker Miriam Spiteri Debono, u Richard Muscat – il-persuna li jmexxi l-Fondazzjoni Enrico u Fortunato Mizzi.
//= $special ?>