Lokali

Dawk qrib Abela jibqgħu jiddefendu l-kuntratt ma’ Vitals

Il-Kabinett ta’ Robert Abela ma jidhirx li għandu f’moħħu jinqata’ mill-kuntratt skandaluż li l-Gvern Laburista għamel ma’ Vitals biex tliet sptarijiet pubbliċi jittieħdu mingħand il-poplu u jitgawdew mill-privat, li għadu s’issa ma għamel xejn biex jitjieb is-servizz tas-saħħa. Bil-Gvern jibqa’ jżomm segretezza assoluta dwar dan id-deal.

Dan kien ikkonfermat mill-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar, li hu wkoll is-Segretarju tal-Kabinett, meta mistoqsi minn NET News jekk hux se jibqgħu jiddefendu dan il-kuntratt. Dan wara li l-istess Cutajar – fil-Qorti f’April li għadda – ma riedx jippreżenta l-Minuti tal-laqgħat tal-Kabinett dwar dan il-kuntratt meta staħba wara l-iskuża li dawn huma kunfidenzjali.

Mistoqsi minn dan l-istazzjon, is-Segretarju tal-Kabinett qal li għadu jħoss li din ma kienet skuża xejn, minkejja li kienu ta’ Steward stess – li ħadu t-tliet sptarijiet mingħand tal-Vitals – li qalu li l-kuntratt kien wieħed irregolari.

Viżibbilment skomdu wara l-aħħar żviluppi fil-kawża li għaddejja bħalissa fil-Qorti, Mario Cutajar dawwar kliemu fuq il-ħidma li qed issir fiċ-Ċivil, iżda mbagħad ħarab milli jwieġeb jekk jinkwietax minn dan l-iskandlu, fost lista twila li rriżultaw fl-aħħar snin ta’ Gvern Laburista.

Mario Cutajar ilu jimmilita fil-Partit Laburista mis-snin 70 u kien il-magħżul ewlieni ta’ Joseph Muscat biex imexxi ċ-Ċivil bħala Segetarju tal-Kabinett. U din il-pożizzjoni kienet ikkonfermata minn Robert Abela meta rebaħ il-ġlieda għal-Leadership tal-Labour kontra Chris Fearne.

Għaldaqstant, hu kien il-persuna li ntalab biex jixhed quddiem il-Qorti fil-kawża miftuħa mill-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħalli t-tliet sptarijiet jingħataw lura lill-pubbliku. Madankollu, hu kien għażel li ma jippreżentax il-Minuti tal-laqgħat tal-Kabinett, fost pressjoni minn Kastilja biex tinzamm is-segretezza u jibqa’ ma jikxifx dak li ngħad dwar dan il-kuntratt skandaluż fost il-membri tal-Gvern.