“Dik li ħafna jridu jpinġu bħala droga ħafifa…. ma hi ħafifa xejn. Kelli episodji ta’ paranoia…wara ftit sar viżju… u wara, ridt xi ħaġa aktar qawwija”.
Dan kien kliem Luke Magri, eks drugat li l-vizzju tad-droga tiegħu beda bl-użu tal-kannabis. Magri, u li llum jaħdem fit-Taqsima tar-Riabilitazzjoni ta’ Caritas. Magri ikkritika l-għaġla li biha l-Gvern qed jipprova jgħaddi din il-liġi, u qal li jidher li l-abbozz sar mingħajr konsultazzjoni.
Waqt il-programm KontraKurrent, Roderick Agius iddiskuta t-tema tal-ħaxixa ma’ numru ta’ kelliema fosthom Andrew Bonello, President ta’ Releaf Malta li sostna li mhemmx evidenza li torbot il-kannabis ma’ użu ta’ drogi aktar qawwija.
Id-direttur ta’ Caritas, Anthony Gatt minn naħa tiegħu sostna li t-tipjip tal-kannabis fl-adoloxxenza ta’ spiss iwassal għal dipendenza, b’il fuq minn 90% ta’ dawk li jiżviluppaw il-vizzju jgħid li bdew bil-kannabis.
Andrew Bonello qabel li t-tipjip f’etajiet żgħar bħal 14 jew15-il sena hija filfatt problema, bid-Direttur tal-Caritas minn naħa tiegħu jgħid li filwaqt li l-liġi kif proposta qed tindika li dawk ta’ taħt it-18 il sena mhux se jkunu jistgħu jixtru, tfal u żgħażagħ li se jaraw lill-ġenituri tagħhom ipejpu fl-apert se jkunu esposti ferm aktar għall-kannabis u l-idea li d-droga hi normali.
Fil-programm tkellem ukoll Noel Scerri, Kap Ezekuttiv tal-OASI li saħaq dwar l-aspett xjentifiku li juri li kull fejn ġie nnormalizzat l-użu tad-droga, kibret il-problema.
U f’intervista ma’ Stefania Dimech Sant, Kap Eżekuttiv Fondazzjoni Richmond, hi insistiet fuq l-importanza li jsiru studji fuq is-sitwazzjoni f’pajjiżna għaliex sa issa mhemmx ċifri uffiċjali.
Tul il-programm ħadu sehem Daniel Cassar, Policy Executive tal-Kamra tal-Kummerċ u Joe Farrugia Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem.
Farrugia qal li din il-liġi hija bħal binja mingħajr pedament u li qed issir mingħajr ma saru l-istudji neċessarji.
Minn naħa tiegħu, Daniel Cassar qal li l-Kamra tal-Kummerċ kellha t-tħassib tagħha għal dak li jkun l-impatt tal-legalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis fuq is-settur tax-xogħol filwaqt li lesta tgħin tiġi emendata din il-liġi.
Il-liġi li qed jipproponi l-Gvern dwar il-kannabis sabet ħafna kritika mhux biss minn dawk l-entitajiet li jaħdmu direttament mal-vittmi tad-droga, imma wkoll minn organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà, iżda b’saħħithom ferm il-kliem ta’ l-eks drogat li llum jaħdem propju biex jgħin lil min spiċċa vittma bħalu meta qal “naħseb li din hija gimmick kbira”.