“Jekk mhux kapaċi niftħu latrina…mela ma nafx jien”
“Min hu responsabbli għandu jerfa’ responsabbiltà….u liċ-ċittadin hemm bżonn li nirrispettawh ta’ ċittadin.”
Sostna dan id-Deputat Laburista Joe Mizzi, li fl-aħħar xhur twarrab għal kollox mit-tmexxija ta’ Robert Abela.
L-Erbgħa waranofsinhar, Joe Mizzi ħass li kellu jesprimi t-tħassib u l-weġgħat tar-residenti li jgħixu fil-lokalitajiet fin-nofsinhar ta’ Malta.
Mizzi ġibed widnejn is-suċċessur tiegħu fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Ian Borg, fejn mingħajr tidwir mal-lewża attakka n-nuqqas ta’ responsabbiltà f’ċertu xogħolijiet li qed f’lokalitajiet bħal Ħaż-Żabbar.

Mizzi sfida lil kulħadd imur jara s-sitwazzjoni fi triq li tagħti għax-Xgħajra fejn insista li min suppost jinforza għandu bżonn jibda bis-serjetà.
Id-deputat Joe Mizzi mhux biss attakka l-Ministeru ta’ Ian Borg iżda anke dak ta’ Aaron Farrugia…. fejn saħaq li l-impjant ta’ trattament ta’ drenaġġ ta’ Barkat fix-Xgħajra qed jerġa’ jinten. Filwaqt li ħeġġeġ lil min hu responsabbli ….jara li kulħadd ikun qed jagħmel xogħlu u jkomplu jaħdmu fuq dak li sar – minkejja li huwa xettiku.
L-eks Ministru tat-trasport tal-Labour Joe Mizzi spjega li waranofsinhar, malli jibdew ħerġin it-tfal mill-iskola ta’ De La Salle College fil-Birgu jkun hemm diżastru hekk kif ma jkun hemm ebda uffiċjal sabiex jieħu ħsieb it-traffiku u insista li min huwa responsabbli għandu bżonn li jara li tissolva l-problema mill-aktar fis.

Id-deputat Laburista sostna li n-nies fit-tieni distrett qed iħossuhom sfruttati u spjega li xebgħu igergru u jilmentaw miegħu partikolarment fuq latrina li ilha magħluqa u qed toħloq inkonvenjent partikolarment meta jarma l-monti ta’ Tlieta u l-Ħadd fil-Birgu.
Huwa saħaq li l-Kunsill Lokali lest jagħmel ix-xogħol li hemm bżonn iżda għandu bżonn l-għajnuna…
Madanakollu din il-problema għadha mhux solvuta…bin-nies ikollhom jinqdew mod ieħor.
Joe Mizzi sostna li min hu responsabbli jrid jieqaf jinjora lin-nies.
