Lokali Parlament

Il-Gvern Laburista qed jiskarta l-ġid tat-tfal u tal-vulnerabbli u se jwassal għal aktar vittmi fis-soċjetà Maltija

– Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech

Id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech qal fil-parlament li l-Gvern Laburista qiegħed iressaq dan l-Abbozz ta’ Liġi biex iwaqqaf Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis mingħajr wisq konsultazzjonijiet mal-entitajiet kollha li b’xi mod jew ieħor huma direttament involuti fis-suġġett jew inkella għandhom relazzjoni mas-suġġett b’mod indirett.

Jirriżulta wkoll li anki l-Membri Parlamentari fuq in-naħa tal-Gvern ma humiex kollha favur dan l-Abbozz ta’ Liġi. Anzi hemm Membri Parlamentari Laburisti li assolutament ma jaqblux u huma mill-aktar xettiċi dwar x’ġid jista’ joħroġ minn dan l-Abbozz ta’ Liġi.

F’dan il-pajjiż tajjeb li kulħadd japprezza li r-rieda tajba hi fuq kull nara tal-Kamra u allura anki fuq in-naħa tal-Gvern hemm min ma jaqbilx li f’pajjiżna jiddaħħal dan l-Abbozz ta’ Liġi li se jippermett l-użu tal-kannabis.

Iva naf li fuq in-naħa l-oħra hemm ukoll Membri Parlamentari li għandhom tħassib ġenwin għaliex huma wkoll jifhmu l-ottika tal-vulnerabbiltà soċjali.

Claudio Grech kompla li hu fatt magħruf li l-użu tal-kannabis se jkollu effetti fuq is-saħħa pubblika. Mhux diġà kulħadd jaf kemm l-użu tal-kannabis jagħmel effetti negattivi fuq is-saħħa mentali ta’ dak li jkun.

Hu qal li fil-Parlament spiss ħafna jkun hemm diskussjonijiet dwar is-saħħa mentali. Fid-dawl ta’ dan il-fatt tajjeb li wieħed josserva wkoll il-pożizzjoni ta’ organizzazzjonijiet bħall-Fondazzjoni Richmond li qed tesprimi bl-aktar mod ċar it-tħassib serju tagħha dwar l-użu tal-kannabis fis-soċjetà ta’ madwarna, b’mod partikulari l-użu tal-kannabis mit-tfal u ż-żgħażagħ.

L-istess Fondazzjoni Richmond ġibdet l-attenzjoni stiednet lil kulħadd biex jaqra u jifhem aktar dwar l-effetti tal-użu tal-kannabis fuq min jużaha. U allura l-mistoqsija tiġi waħidha: Għaliex il-Gvern Laburista qiegħed jgħaġġel jimbotta dan l-Abbozz ta’ Liġi meta hu stess qed jiftaħar li f’pajjiżna dwar dan is-suġġett ftit li xejn teżisti riċerka xjentifika u serja?

Claudio Grech kompla li anki l-Psikjatra Anton Grech jammetti li l-kannabis teffettwa lil kulħadd, b’mod partikulari lil min għandu anqas minn 25 sena għaliex il-moħħ ikun għadu qiegħed jiżviluppa.

Anki t-Tabib George Grech, l-eks Direttur Kliniku ta’ Sedqa, tkellem b’ton ta’ ħafna tħassib dwar l-użu tal-kannabis.

Madwar tletin fil-mija tal-każijiet involontarji li jidħlu fl-Isptar Monte Carmeli jidħlu minħabba l-abbuż mis-sustanzi. Tajjeb li l-Gvern Laburista jifhem tajjeb l-impatt ta’ dan l-Abbozz ta’ Liġi fuq is-saħħa tas-soċjetà Maltija. Barra minhekk jirriżulta li persuni bil-problema tal-użu tal-kannabis jispiċċaw jerġgħu jidħlu għall-kura fl-istess Sptar Monte Carmeli.

Claudio Grech qal li hu ma jistax jifhem kif il-Gvern ma hux jagħmel impact assessment dwar deċiżjoni serja bħal din. Dan l-Abbozz ta’ Liġi darba jgħaddi u jsir Liġi se jħalli impatt kbir fuq il-vulnerabbli u dawn l-effetti se jkollha niffaċċjawhom fix-xhur u s-snin li ġejjin.

Diġà l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem tkellmet b’ton qawwi ħafna dwar l-effetti negattivi tal-kannabis. U anki l-Kamra tal-Kummerċ ipprovat tiftaħ għajnejn il-Gvern dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi.

il-Gvern Laburista messu l-ewwel għamel ir-riċerka u għamel l-impact assessment u wara sama’ l-karba bażika tat-tobba, inkluż tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Maltin, li tal-inqas l-użu jkun minn 25 sena ’l fuq. Il-Gvern sa issa qed jipproponi li l-użu jista’ jsir sa mill-età ta’ tmintax-il sena.

U għaliex il-Gvern Laburista qed jippermetti t-tkabbir tal-pjanta kannabis fid-djar. Fid-djar fejn jitrabbew it-tfal. Għaliex il-Gvern Laburista ma hux iħares lejn l-interess tat-tfal u tal-vulnerabbli.

Claudio Grech ħeġġeġ lill-Gvern Laburista biex ma jkomplix jgħaġġel dwar dan l-Abbozz ta’ Liġi. Ħeġġeġ lill-Gvern Laburista biex qabel ma jimplimenta dan l-Abbozz ta’ Liġi jagħmel l-istudji u r-riċerka kollha li hemm bżonn ħalli ma jkollniex aktar danni u ħsarat fost iż-żgħażagħ u fis-soċjetà Maltija.