Lokali

Inawgurata wirja artistika b’risq id-Dar tal-Providenza

L-Ispeaker Anġlu Farrugia inawgura wirja artistika b’risq id-Dar tal-Providenza, li qed tittella’ fil-foyer tal-Parlament ta’ Malta.

Din il-wirja se ddum miftuħa sas-26 ta’ Diċembru 2021, bil-pubbliku jkun jista’ jżurha matul il-ġimgħa bejn id-9.00am u l-5.00pm u s-Sibtijiet u l-Ħdud bejn id-9.00am u n-nofsiegħa. L-opri tal-arti ser jinbiegħu permezz ta’ rkant li se jinżamm online.

L-Ispeaker qal li l-istorja tad-Dar tal-Providenza hi waħda ħajja. Qal li l-kuxjenza favur is-solidarjetà soċjali tikber u tissaħħaħ, dment li lkoll kemm aħna nżommu d-Dar tal-Providenza bħala esperjenza ta’ ħajjitna li permezz tagħha qed ngħinu lill-persuni b’diżabilità jgħixu b’dinjità.

Farrugia feraħ lid-Dar tal-Providenza għall-Premju Ċittadini Ewropej 2021 mogħti lilha mill-Parlament Ewropew, b’għarfien tal-kontribut siwi li tagħti lill-persuni b’diżabilità u għall-fatt li hi meqjusa xempju ta’ valuri għonja f’Malta u fl-Ewropa.