Il-Kunsillier Laburista Għawdxi Michel Buttigieg ilbieraħ waranofsinhar ammetta f’telefonata ma’ In-Nazzjon li iva, għada l-Ġimgħa se jkun qed jitressaq il-Qorti b’rabta ma’ aggressjoni li hu kellu fuq Gwardjan Lokali li f’Awwissu li għadda ħariġlu ċitazzjoni għaliex ipparkja l-vettura tiegħu quddiem il-Każin Laburista fit-Tokk, ir-Rabat, Għawdex.
Ikkuntattjat minn In-Nazzjon, il-Kunsillier Laburista Għawdxi Michel Buttigieg ammetta li iva, f’Awwissu li għadda ħalla l-mutur tiegħu quddiem il-Każin Laburista fir-Rabat, Għawdex, u Gwardjan Lokali tal-LESA li kien qed jagħmel xogħol, ħariġlu ċitazzjoni għaliex iz-zona fejn ħalla l-mutur tiegħu kienet waħda li ma setax jipparkja fiha.
Michel Buttigieg ippreċiża li l-inċident bejnu u bejn il-Gwardjan Lokali kien seħħ fl-eqqel tas-sajf li għadda –
f’Awwissu – u seħħ meta hu pparkja l-mutur tiegħu quddiem il-Każin Laburista tar-Rabat. Konna aħna li lbieraħ ċempilna lill-Kunsillier Laburista Michel Buttigieg u staqsejnieh jekk hu kienx bagħtilna xi korrispondenza dwar rapport li nhar il-Ħadd, il-gazzetta Il-Mument ippubblikat fl-aħħar faċċata tagħha, u dan minħabba li aħna ma konna rċevejna xejn mingħandu.Michel Butigieg qalilna li hu kien ta struzzjonijiet lill-Avukat tiegħu – l-Avukat Joe Grech – biex jibagħtilna xi forma ta’ tweġiba.
“Issa nerġa’ ngħidlu mela,” qalilna Michel Buttigieg li nhar il-Ħadd li għadda fuq il-mezzi soċjali qalilna li għamilna gidba sfaċċata dwaru biex imbagħad ilbieraħ, fil-konversazzjoni magħna, ammetta li iva, għada l-Ġimgħa
mħarrek biex jidher il-Qorti dwar din l-aggressjoni tiegħu fil-konfront tal-Gwardjan Lokali tal-LESA.“Għax jien mhux il-karozza ipparkjajt, imma mutur,” qalilna Michel Buttigieg bħallikieku karozza u mutur ipparkjati f’zona fejn ma
tistax, mhux xorta kontravenzjoni tibqa’.
Il-kunsillier Laburista fi tweġiba li ntbagħtet ilbieraħ wara t-telefonata b’rabta mar-rapport ta’ Il-Mument u bi dritt ta’
risposta permezz tal-Avukat Joseph Grech, qal li m’għandu ebda akkużi li jirrigwardaw il-karozza tiegħu u wisq inqas akkużi li hu ħebb għal gwardjan lokali.Fir-reazzjoni tiegħu, Michel Buttigieg qal li l-informazzjoni ppubblikata hi
gidba u b’intenzjoni malinna.
Imma l-Kunsillier Laburista Michel Buttigieg jidhirlu li hu jista’ jagħmel li jrid fir-Rabat Għawdex, kemm għaliex hu Laburist u jinsab fil-Gvern, kemm għaliex hu Kunsillier Laburist fil-Kunsill Lokali tar-Rabat, u anki għaliex hu delegat Laburista importanti fit-Tlettax-il Distrett. U għalhekk skont hu l-Gwardjan Lokali qatt ma messu ħariġlu ċitazzjoni għaliex dik iz-zona li fiha ma jistax jipparkjaw karozzi kienet saret bl-approvazzjoni tiegħu bħala Kunsillier!
Fil-konversazzjoni ma’ In-Nazzjon, Michel Buttigieg assigurana wkoll li dakinhar tal-inċident mal-Gwardjan Lokali, hu ma refax idejh fuqu. “U għandi bosta xhieda li lesti jixhdu dan kollu,” qalilna Michel Buttigieg filwaqt li rrepeta li hu jiftakar biss, f’dak il-jum ta’ Awwissu fl-eqqel tas-sajf li “lill-Gwadjan Lokali għajjartu biss pulċinell!”
Sadattant matul dawn il-jiem aktar sorsi infurmati tkellmu ma’ In-Nazzjon dwar dan l-inċident partikulari u qalulna li ma jistax ikun li l-Gwardjani Lokali jibqgħu jkunu esposti għal dawn il-perikli ta’ swat u aggressjoni. “Sirna niltaqgħu ma’ wisq inċident fejn nispiċċaw imsawta. Aħna nkunu qed nagħmlu d-dmirijiet tagħna u jridu jkunu s-sewwieqa li josservaw ir-regolamenti tat-traffiku mhux l-ewwel jagħmlu l-kontravenzjoni u mbagħad, għaliex tkellimhom, jispiċċaw
jaħbtu għalik,” qalilna Gwardjan Lokali b’solidarjetà mal-kollega tiegħu vittma f’dan l-inċident.