Toni Bezzina, PN
Bħalma affettwat kull settur immanigabbli, il-pandemija affettwat lill-festi tradizzjonali Maltin u ċajpret il-futur tagħhom. Din kompliet iżżid il-piżijiet finanzjarji fuq l-għaqdiet li b’tant dedikazzjoni, sena wara l-oħra jaħdmu biex jagħtu spettaklu lill-eluf ta’ viżitaturi filwaqt li jżommu t-tradizzjonijiet tagħna l-Maltin ħajjin.
Id-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina qal fil-parlament li l-piżijiet finanzjarji komplew jiżdiedu – il-pandemija ma ppermettitix li jsiru l-attivitajiet li s-soltu l-għaqdiet jużaw biex jiġbru l-fondi. Apparti minn hekk, l-ispejjeż komplew jiżdiedu – l-ispejjeż marbutin mal-banda sparaw ‘l fuq, filwaqt li l-ispejjeż marbuta mal-importazzjoni tal-materjaprima meħtieġa għall-manifattura ta’ xogħol pirotekniku kompliet tiżdied.
Sadanittant, l-għaqdiet u dawk kollha involuti fil-festi m’humiex jingħataw direzzjoni dwar il-ġejjieni tagħhom. Qed jitħallew fil-għama dwar x’se jkun qiegħed iseħħ matul is-sajf illi ġej, bil-konsegwenza li ma jkunux jistgħu jippreparaw għall-festa. Biex issir festa, dan ikun jeħtieġ prepazzjoni tul is-sena sħiħa, u għalhekk, jekk irridu nagħtu ġejjieni b’saħħtu lill-festi, hemm bżonn li dawk li jaħdmu għaliha jkunu jafu, sa fejn huwa possibbli, x’se jseħħ.
Nemmnu għalhekk li l-gvern iwieżen aktar lil dawn l-għaqdiet, mhux biss b’aktar informazzjoni fir-rigward tal-ġejjieni iżda wkoll b’mod finanzjarju. Ma ninsewx li l-festi għandhom mertu b’saħħtu wkoll fil-qasam tat-turiżmu, għaliex jiġbdu lejn pajjiżna eluf ta’ turisti. Apparti minn hekk, jiġġeneraw ukoll turiżmu intern fil-pajjiż u b’hekk idawru sew ir-rota ekonomika ta’ Malta. Ikun ġust jekk dawn igawdu parti mill-frott li joħolqu huma stess.
Preżentament, dawn l-għaqdiet għandhom spejjeż iebsin marbutin ma’ permessi, pulizija u allokazzjoni ta’ fire engines għall-ħruq ta’ xogħol pirotekniku. Il-gvern għandu jara kif jista’ jimminimiżża jew jelimina dawn l-ispejjeż li qed jintefgħu fuq spellejn l-għaqdiet voluntarji.
Problema oħra li qed tħasseb numru ta’ delittanti hija n-nuqqas ta’ postijiet minn fejn jista’ jinħaraq xoghol pirotekiku. Kif inhu xieraq, il-liġi tispula ċertu distanzi li jeħtieg ikun hemm bejn żona ta’ hħruq ta’ xogħol pirotekniku u żoni abitati. Għalhekk, l-ispazju disponibbli għall-ħruq tan-nar kull ma jmur qed jonqos. Jekk tassew rridu futur għal dan il-qasam, jeħtieg li nissalvagwardjaw iż-żoni minn fejn isir il-ħruq.