Lokali

“L-Istat għandu responsabbiltà li jipproteġi l-ħajja tan-nies” – Giovanni Bonello

F’każi ta’ suwiċidju ta’ persuni li suppost jkunu taħt il-kustodja tal-istat… l-istat dejjem instab responsabbli tal-mewt tagħhom, minħabba li għandu d-dmir ewlieni li jissalvagwardja ħajjet il-priġunieri.

Saħaq dan f’artiklu, fil-ġurnal Times of Malta, l-Imħallef irtirat Giovanni Bonello fejn insista li l-Istat għandu responsabbiltà li jagħmel dan billi jipprovdi assistenza medika xierqa u effettiva…inkluż għajnuna psikoloġika u trattamenti psikjatriċi. Jekk dan ma seħħx, kompla Bonello, l-istat huwa responsabbli mill-mewt tal-priġunieri.

Huwa sostna li l-istat għandu dmir li ma jonqos lill-ebda persuna, iżda bl-istess importanza…jipproteġi ħajjet kull persuna li tkun taħt il-kontroll tiegħu. Dan filwaqt li insista li sabiex demokrazija taħdem trid tirrispetta dawn il-punti b’mod fundamentali.

Giovanni Bonello sostna li l-Istat irid jagħmel minn kollox fis-setgħa tiegħu sabiex jippreveni l-imwiet tal-priġunieri – wisq aktar imwiet li jaslu minn aġir ta’ uffiċjali tal-istat. Dan filwaqt li hemm bżonn li l-istat jipproteġi ukoll lill-priġunieri minnhom infushom.

Huwa spjega li f’każi ta’ suwiċidji fil-ħabs jew saħansitra fl-armata, l-awtoritajiet u l-Qrati għandhom id-dmir li jistabilixxu jekk l-uffiċjali responsabbli ħadux il-prekawzjonijiet kollħa meħtieġa  biex jipprevenu traġedja milli sseħħ…u jekk dan ma jiġrix…effettivament l-Istat ikun responsabbli mis-suwiċidju…jew saħansitra l-attentat.

Taħt it-tmexxija tal-Kurunell awto sospiż Alex Dalli f’temp ta’ ftit aktar minn sentejn tilfu ħajjithom 14-il priġunier…b’każ minnhom jitressqu l-Qorti saħansitra żewġ ġwardjani tal-ħabs.

Minkejja każ wara l-ieħor, il-Ministru responsabbli Byron Camilleri baqa’ jkaxkar saqajh sal-aħħar dwar din is-sitwazzjoni bi sħabu tal-Kabinett jibqgħu jiddefenduh.