Lokali

Ma riedx iwieġeb id-domandi ta’ Net News

Numru ta’ Ministri għażlu li joħorġu għonqom għalih. Oħrajn għażlu li ftit li xejn jikkummentaw iżda issa, meta l-pressjoni fuq il-Ministru Byron Camilleri qed tkompli tikber, għandna wkoll Ministri li l-anqas iridu jieħdu domandi minn għand Net News.

Bil-kelma t-tajba, pruvajna nitolbu kumment minn għand il-Ministru Michael Falzon – kumment li normalment kull membru tal-Kabinett, li hu fid-dover li jwieġeb għad-domandi – itina. Skont il-Ministru Falzon, ried itina biss kumment dwar dak li xtaq hu. U ma stajniex nistaqsu fuq xix ridna, jiġifieri dwar il-kollega tiegħu Byron Camilleri.

Michael Falzon qalilna li f’ġurnata partikolari, ma xandarniex il-kumment sħiħ li kien tagħna u għalhekk ħa deċiżjoni li ma jtinix kumment ieħor jekk mhux fuq dak li ried hu. Mill-ġdid, bil-kelma t-tajba, offrejna li nistaqsu u nxandru l-kumment sħiħ. Iżda l-Ministru għażel li jitlaq u ma jweġibx.

B’hekk, għal jum ieħor, jibqa d-dell tqil fuq il-Grupp Parlamentari tal-Labour hekk kif fost dawk taħt il-lenti spiċċa l-Ministru Byron Camilleri, li taħtu taqa’ r-responsabbiltà tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Wara l-14-il mewta fil-ħabs fi ftit aktar minn sentejn, il-pressjoni fuq il-Ministru Camilleri kull ma jmur qed tiżdied – anke minhabba l-fatt li hu dejjem iddefenda l-agir tad-Direttur awto-sospiz Alex Dalli.

Għaldaqstant, bosta qed jisħqu li Byron Camilleri għandu jerfa’ r-responsabbiltà u jieħu pass lura mill-pożizzjoni tiegħu hekk kif kaxkxar saqajh biex jieħu deċiżjoni fuq id-Direttur tal-Ħabs. Jidher li pero mhux tal-istess opinjoni sħabu tal-Kabinett tal-Labour li qed jibqgħu jaġixxu bl-atitudni tax-xejn mhu xejn anke wara l-aħbarijiet xokkanti li kontinwament qed nisimgħu dwar il-ħabs ta’ Kordin.