Lokali Parlament

Mill-kannabis għall-eroina u l-kokaina… u hekk il-Gvern Laburista se jkun qed iżid il-problemi tal-abbuż fis-soċjetà Maltija

– Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri

Id-Deputat Nazzjonalista Stephen Spiteri qal fil-parlament li dan l-Abbozz ta’ Liġi għandu l-intenzjoni li jwaqqaf Awtorità li tkun respoonsabbli tal-kannabis.

Hu qal li jħossu fid-dover li jitkellem għaliex il-kannabis taffettwa s-saħħa kemm tal-individwu u anki s-saħħa pubblika; is-saħħa fis-soċjetà.

Hu qal li għandu tliet irwoli x’jaqdi – dak ta’ politiku, dak ta’ leġislatur, iżda wkoll dak ta’ tabib. Il-Gvern ħareġ White Paper dwar il-kannabis, iżda żamm l-informazzjoni kollha għalih u ma qal xejn dwar min ikkontribwixxa u x’kienu dawn il-kontribuzzjonijiet.

Li hu żgur hu li din il-White Paper u dan l-Abbozz ta’ Liġi ġabu magħhom kritika qawwija għaliex se jeffettwaw kemm is-saħħa tal-individwu imma wkoll is-saħħa tan-nies fis-soċjetà.

Hu qal li hu żball li tinħoloq stigma fuq min juża l-kannabis, iżda hemm baħar jaqsam bejn ħaġa u oħra. Dan l-Abbozz ta’ Liġi jipproponi l-kannabis għall-użu mediku, iżda fl-istess waqt jintroduċi l-kannabis għal użu ieħor.

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel li min jinqabad bil-kannabis għall-użu personali tiegħu m’għandux ikun penalizzat, iżda ħadd m’għandu jinnega l-effetti tal-kannabis fuq saħħet dak li jkun u li saħansitra tista’ twassal għal effetti negattivi oħrajn, fosthom fuq il-fiżiku tal-persuna.

L-użu tal-kannabis ma hux ta’ saħħa sana għall-persuna u għalhekk hu bħala tabib iħossu skomdu jitkellem favur Abbozz ta’ Liġi bħal din.

L-użu tal-kannabis iwassal lil dak li jkun biex iħossu high, iżda l-problemi jinqalgħu meta l-kannabis tibda twassal lil dak li jkun biex iħossu low u jibda jaħseb dwar affarijiet bħas-suwiċidju.

Ma rridux intellgħu lis-soċjetà fi ġlieda bħal dik kontra t-tipjip u t-tabakk. Min qalilna jekk għaxar snin oħra hux se nkunu qed niġġieldu l-effetti tal-kannabis fuq in-nies?

Tajjeb li wieħed janalizza l-effett tal-kannabis fuq min ikun qiegħed isuq. Fuq min ikun fil-post tax-xogħol. Fuq min ma jkunx qed jagħmel kalkoli tajba. Hemm diversi effetti ħżiena u negattivi fuq saħħet il-bniedem u tajjeb li t-tobba fuq in-naħa tal-Gvern jitkellmu ċar dwar dan.

Filwaqt li tkellem kemm l-Istat jonfoq fil-ġlieda kontra s-sigaretti, qal li ma jagħmel assolutament sens xejn li issa l-Gvern Laburista jiġi biex jintroduċi l-kannabis li għandhom effetti ħżiena wkoll. U fejn hu s-Supretendent tas-Saħħa Medika f’pajjiżna? X’inhuma l-veduti tiegħu? L-effetti huma negattivi wkoll fuq il-moħħ tal-bniedem u l-Gvern ma jistax jinjora dawn ir-realtajiet.

Hu appella lill-Gvern Laburista biex ma jintroduċix fi-soċjetà prattiċi li għada pitgħada lkoll se jiddispjaċina minnhom. Il-Gvern għandu jħares lejn x’qed jgħidu l-Caritas u l-OASI li jaħdmu direttament f’dan il-qasam biex jgħinu lil tant persuni joħorġu mill-vizzju tad-droga li jkunu daħlu għalih wara li esperjenzaw bil-kannabis.

Stephen Spiteri qal li l-kannabis sintetika qed twassal għar-rovina ta’ ħafna żgħażagħ li qed jispiċċaw fl-Isptar Monte Carmeli. U fl-Isptar Monte Carmeli hemm sala apposta biex tittratta lil dawn il-pazjenti u fil-preżent din is-sala hi mballata bin-nies li abbużat mill-kannabis.

Dan l-Abbozz ta’ Liġi se jwassl għat-tkattir tal-konsum tal-kannabis għaliex id-domanda mistennija tiżdied. Dan l-Abbozz ta’ Liġi.

Ejja nieqfu u naħsbu u nfittxu dak li hu tassew hu ta’ ġid għal pajjiżna u għal uliedna.

Dan hu suġġett delikat u l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaslu dwaru mingħajr ebda partiġjaniżmu.