Fi tliet operazzjonijiet separati li saru f’inqas minn 24 siegħa ġew arrestati seba’ persuni wara li nstab ammont konsiderevoli ta’ droga eroina u kokaina lesta għat-traffikar.
Wara diversi jiem ta’ osservazzjoni fuq residenza u remissa fl-inħawi ta’ Triq is-Serkin u Triq it-Tiġrija, il-Marsa, nhar it-Tlieta filgħaxija l-Pulizija arrestat erba’ persuni, żewġt irġiel u żewġ nisa li l-età tagħhom tvarja bejn is-17 u l-24 sena.
Fir-remissa fi Triq it-Tigrija nstabu qratas suspettati eroina u kokaina, kif ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti. Mill-istess post il-Pulizija kkonfiskat ukoll apparat elettroniku fosthom CCTV cameras u monitors, tliet karozzi tal-għamla BMW, Jaguar u Mercedes u ammont ta’ deheb.
Fuq il-post issejħu uffiċjali mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali hekk kif fir-remissa kien hemm żiemel tat-tiġrija u kelb pitbull.
F’operazzjoni oħra, din id-darba f’residenza privata fi Triq is-Serkin, il-Pulizija sabet ukoll ammont konsiderevoli ta’ droga kokaina u eroina li wkoll kienet lesta biex tkun traffikata. B’kollox instabu mal-120 qartas droga.
Il-ħidma mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga ssoktat l-Erbgħa wara nofsinhar, fejn ġew arrestati tlett irġiel, li għandhom bejn l-20 u t-30 sena. Wara informazzjoni li l-irġiel kienu qegħdin jagħmlu użu minn vetturi differenti, u li kienu fil-pussess tad-droga, il-Pulizija bdiet issegwihom minn distanza sakemm twaqqfu fi Triq l-Imdina, Ħal-Qormi.
Saret tfitixjja fil-vettura ta’ wieħed mis-suspettati u fiha l-Pulizija sabet kwantità ta’ droga suspettata kokaina, allegatament lesta għat-traffikar. Il-Pulizija kkonfiskat ukoll ammont ta’ flus konatanti filwaqt li għamlet tfitixxijiet oħra fir-residenzi tagħhom, kif ukoll f’showroom tal-karozzi.
Fiż-żewġ każijiet infetħet inkjesta Maġisterjali. L-erba persuni li ġew arrestati fil-Marsa mistennija jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli għal xi siegħa ta’ waranofsinhar b’akkużi relatati ma’ traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus, fost oħrajn. L-investigazzjonijiet fuq it-tliet persuni arrestati f’Ħal Qormi għadhom għaddejjin.
