Raġel ġie kkundannat 20 xahar ħabs wara li nstab ħati li seraq ħames arloġġi minn stationery f’Raħal Ġdid u dan sebat ijiem wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq każ ieħor lura fl-2019. Aaron Steven Stewart Edward Ritchie, bejjiegħ tal-Monti ta’ 37 sena minn Raħal Ġdid, instab ħati li seraq ħames arloġġi, kif ukoll li kiser żewġ digrieti preċedenti dwar il-pleġġ u li sar reċediv.
L-ispettur Paul Camilleri spjega kif l-investigaturi, li kienu qed jaħdmu fuq is-serqa li seħħet fid-29 ta’ Ottubru, 2019 għall-ħabta tal-11:20am, fejn kienu qabdu l-ħalliel wara li eżaminaw filmati tas-CCTV u d-deskrizzjoni li tat is-salesgirl fil-ħanut dak il-ħin. tal-allegat serqa.
It-tatoos fuq driegħ ir-raġel komplew isaħħu s-suspetti tal-pulizija fir-rigward tiegħu. Dwar ir-rapport li sar lill-Pulizija, is-salesgirl tal-ħanut xehdet li waqt li kienet qiegħda tirranġa l-ixkafef rat persuna liebsa ‘hoody’ quddiem armatura li kien fiha arloġġi u wallets.
Meta staqsietu kellux bżonn xi ħaġa, wieġeb fin-negattiv u hekk kif din il-persuna daret biex titlaq, hija rat illi kellu l-ġakketta li kienet tidher mimlija fuq quddiem u l-ġnub b’oġġetti kwadrati bil-ponot ħerġin ‘l barra minn taħt il-ġakketta bir-raġel iżżomm id waħda taħt żaqqu.
Ix-xhud qalet li dak il-ħin hija ssuspettat li l-persuna kienet ħadet xi ħaġa u għalhekk hija staqsietu biex jiftaħ il-ġakketta iżda rrifjuta u qal li m’għandu xejn li mhux tiegħu u meta baqgħet tinsisti, huwa imbuttaha ftit biex jgħaddi, u ħareġ mill-ħanut u telaq.
Dak il-ħin hija rat spazju vojt fil-vetrina u indunat li kien hemm arloġġi neqsin minn ġol-armatura, liema arloġġi uħud minnhom kienu ġo kaxxa għalihom. Ix-xhud qalet ukoll li l-vetrina kienet tkun imsakkra iżda meta sussegwentement marret biex terġa’ tagħlaq il-vetrina u ssakkarha, sabet li ċ-ċavetta ma setgħetx iddur.
Il-mara tas-sid tal-ħanut, xehdet illi f’ħin minnhom hi semgħet lis-salesgirl, li kienet lejn in-naħa ta’ barra tal-ħanut, tgħajjat “hemm x’għandek!”. Ratha tissara ma’ persuna li kienet liebsa ‘zip-up griża’. Xehdet illi dak il-ħin hija marret tiġri wara din il-persuna u għalkemm ma kienx qed jiġri, kien miexi b’pass mgħaġġel.
Qalet ukoll li meta dan ir-raġel induna li hija kienet qed tiġri warajh u staqsiha għalfejn kienet qed issegwih, hi weġbitu li hu kellu l-affarijiet tagħha fil-ġakketta tiegħu, ħaġa li huwa nnega u rrifjuta wkoll li jiftaħ il-ġakketta u juriha x’kien qed iżomm taħtħa filwaqt li insista li dawk kienu affarijiet tiegħu. Hi baqgħet issegwih sal-ġnien faċċata tal-iskola għaliex beżgħet tidħol warajh fil-ġnien.
Għall-fini tal-piena, l-Qorti qieset diversi fatturi, fosthom il-kondotta refrattarja tal-imputat li minkejja li nghata opportunitajiet varji biex jirriforma ruħu, anke billi nghata sanzjonijiet komunitarji huwa evidentement naqas milli jagħraf kif ghandu jimxi fit-triq it-tajba u jzomm ‘il boghod mid-delinkwenza.
Tosserva wkoll illi minkejja li hija kienet poġġiet lill-imputat taħt Ordni provviżorju ta’ superviżjoni meta ħelsitu mill-arrest, din is-superviżjoni ma ħalliet l-ebda frott tant illi l-Ordni ġiet revokata permezz ta’ digriet mogħti fit-18 ta’ Jannar 2021.
Din ir-revoka saret wara li l-Qorti qieset id-diversi rapporti kif ukoll ix-xhieda tal-Uffiċjal tal-Probation Gordon Grech li lkoll jirreġistraw nuqqas assolut minn naħa tal-imputat ta’ interess fis-superviżjoni tiegħu u fir-rijabilitazzjoni tiegħu, u dan fin-nuqqas ta’ attendenza għall-appuntamenti u nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-Uffiċjal tal-Probation.
Huwa minnu qalet il-Qorti, li madanakollu reċentement l-imputat beda juri ftit interess li jirriforma ruhu billi indika xewqa li jsegwi programm ta’ rijabilitazzjoni kontra ddipendenza serja li għandu fuq id-droga, liema vizzju ilu jaħkmu għal zmien twil u li huwa evidentement il-fattur motivanti tal-kondotta kriminuża tiegħu.
Il-Qorti qalet li huwa minnu li l-imputat instab ħati ta’ żewġ ksur ta’ waħda mill-iktar kundizzjonijiet gravi imposti fuqu għall-fini tal-ħelsien mill-arrest, ċioe’ li ma jikkommettix delitt ieħor waqt li jkun meħlus mill-arrest – delitt li madanakollu huwa kkommetta.
Minkejja kollox il-Qorti qalet li ma tqisx illi għandha tilqa’ t-talba tal-Prosekuzzjoni għar-revoka tal-ħelsien mill-arrest tal-imputat. Bla dubju, anke jekk il-ksur tal-kundizzjoni tkun ta’ konsegwenza serja, ir-riarrest tal-ħati m’huwiex konsegwenza neċessarja ta’ ħtija bl-emfasi għandu jkun fuq it-trattament u r-rijabilitazzjoni tal-imputat fuq miżuri li mhu ser iħallu l-ebda frott fir-riforma tiegħu u li tabilħaqq jistultifikaw l-aspett riformattiv tal-piena.
Inoltre, f’kull każ, għandu jinżamm sens ta’ proporzjonalita’ fil-piena u l-konsegwenzi tar-reati li tagħhom qed jinstab ħati limputat anke fir-rigward, għalhekk, tal-ammont li ser jiġi konfiskat mill-ammont stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija. Għal dawn il-motivi l-Qorti qalet li qed issib lil Aaron Steven Stewart Edward Ritchie ħati u tikkundannah komplessivament 20 xahar priġunerija.
Il-Qorti ordnat ukoll il-ħrug ta’ Ordni ta’ Trattament fil-konfront tal-ħati sabiex jingħata t-trattament meħtieġ biex jegħleb il-vizzju tal-abbuż mid-droga u dan għal perijodu ta’ tliet snin. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tas-somma ta’ €2,000 mill-ammont stabbilit fil-ħelsien mill-arrest taħt garanzija kif ukoll il-konfiska ta’ €2,000 mil-lammont stabbilit fil-ħelsien mill-arrest, b’kollox is-somma ta’ €4,000 iżda ċaħdet it-talba tal-Prosekuzzjoni għar-revoka tal-ħelsien mill-arrest tal-ħati u l-arrest mill-ġdid tiegħu.
Il-Qorti ordnat lill-ħati sabiex iħallas lill-vittma, s-somma ta’ €850 bħala kumpens għat-telf li ġarrab b’riżultat tal-kommissjoni tar-reat ta’ serq li qed jinstab ħati tiegħu, u dan fi żmien sitt xhur mid-data meta jkun skonta l-piena ta’ priġunerija.
//= $special ?>