L-awtoritajiet tas-saħħa ħabbru li bejn il-Ħamis u l-Ġimgħa nstabu 79 każ ġdid ta’ Covid-19.
L-aħħar li kellna sitwazzjoni simili f’pajjiżna kien fid-19 ta’ Awwissu, meta kienu nstabu ‘l fuq minn 80 każ gdid. B’kollox, tul din il-ġimgħa rajna 411-il każ ġdid – l-akbar ammont li rajna sa minn nofs is-sajf li għadda.
Skont l-ewwel grafika li nħarġet mill-Ministeru, intqal li kien hemm żieda fl-imwiet, iżda ftit minuti wara l-grafika inbiddlet, fejn indikat li l-ammont ta’ mwiet kaġun tal-virus baqa’ dak ta’ 462. Bħalissa hemm 13-il persuna l-isptar jirċievu l-kura għall-COVID-19 bi 3 jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva.
Fl-aħħar sigħat tħabbar ukoll li fiequ 30 persuna oħra, u n-numru ta’ każijiet attivi fil-komunità tela’ għal 753.
Il-Ħamis, kważi tliet xhur wara li Malta tpoġġiet fil-lista l-ħadra tal-ivvjaġġar tal-Unjoni Ewropea, Malta reġgħet tneħħiet minn din il-lista. Dan wara li r-rata ta’ każijiet għal kull 100,000 persuna telgħet għal 113.5.
S’issa ngħataw ‘il fuq minn 87,800 booster tal-vaċċin.
//= $special ?>