Għall-Prim Ministru Robert Abela, 14-il mewta fi tliet snin mhux ‘straġi’.
Mistoqsi jekk hux se jġorr hu r-responsabbiltà tal-istraġi fil-ħabs hu jekk il-Ministru Byron Camilleri ma jġorrhiex hux, Robert Abela anke din tefagħha fuq il-Partit Nazzjonalista.
Totalment insensittiv għall-14 il vittma li tilfu ħajjithom fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u għall-qraba tagħhom, il-Prim Ministru ma staħa xejn ixejjen dawn l-imwiet u juża diskors għal kollox partiġġjan, l-aqwa li jevita li jwieġeb jew aktar minn hekk li jġorr ir-responsabbiltà mistennija minnu bħala Prim Ministru.
Wara li għal xhur sħaħ baqa’ ċass quddiem dak li kien għaddej fil-ħabs u ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront ta’ Alex Dalli, Abela qed jibqa’ jgħalaq għajnejh għad-diżastru li seħħ wara l-bibien ta’ Kordin fl-aħħar tliet shur.
L-eks Imħallef Giovanni Bonello f’artiklu li kiteb dan l-aħħar spjega kif kull mewta li sseħħ fil-ħabs hija responsabbiltà tal-Istat, kemm hekk suiċidju, kemm jekk imwiet oħra.
Madankollu, għal Robert Abela dan hu biss kliem fieraħ u li ma japplikax għalih.