Internazzjonali

Il-Brażil: L-agħar qerda ta’ foresta fl-Amazon tul l-aħħar ħmistax-il sena

Il-qerda tal-foresti (rainforests) qalb ir-reġjun tal-Amazon ( fil-Brażil) laħqet l-agħar livelli tul dawn l-aħħar ħmistax-il sena.

Fil-fatt, rapport imħejji mill-aġenzija tal-ispazju lokali għar-riċerka (Inpe) ikkonkluda li l-proċess magħruf bħala ‘deforestation’ għamel qabża allarmanti ta’ 22 fil-mija f’sena waħda biss.

Intant, il-Brażil kien fost numru ta’ pajjiżi li – waqt l-aħħar summit tal-COP26 dwar il-klima — wiegħdu biex itemmu u ‘jaqilbu lura’ id-deforestazzjoni sas-sena 2030

Fl-Istat tal-Amazonas jinstabu mat-tliet miljun speċi ta’ pjanti u annimali . Dan meta fl-Amazon qed jgħix ukoll poplu indiġenu ta’ miljun ruħ.

Sadanittant, dan ir-reġjun hu kruċjali għall-klima tad-dinja għaliex qed iżomm ġo fih ammont kbir ta’ carbons waqt li jservi biex inaqqas ir-ritmu tal-global warming.

Fl-istess ħin, it-telf tal-artjiet tal-Amazon qed jinkwieta lill-esperti dwar il-klima, bil-Ministru Brażiljan għall-Ambjent, Joaquim Leite, jinsisti li d-data tirrappreżenta ‘sfida’ għall-pajjiż li, fl-istess ħin, ‘għandu jirreġġixxi bis-saħħa għal reati ta’ dan it-tip’.

Madankollu, il-proċess ta’ ‘deforestation’ – jew qerda ta’ foresti – żdied bil-kbir taħt il-President tal-Brażil, Jair Bolsonaro, li qed jinkoraġġixxi l-proġetti għall-agrikultura u t-tkabbir tal-minjieri qalb iz-zoni tar-rainforest.

  •