L-Avviż Legali li jagħti amnestiji tat-taxxa ħoloq furja kbira minn bosta, inkluż minn għadd ta’ korpi kostitwiti – bil-Gvern jinsisti li mhux se jitneħħa, minkejja l-kritika enormi minn diversi Korpi Kostitwiti u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista.
F’kummenti lit-Times of Malta, hekk kif l-istakeholders qed ikomplu jitkellmu kontra l-amnestija li teżenta lin-nies milli jħallsu t-taxxa fuq trasferimenti ta’ proprjetà biex ikopru l-arretrati, il-Ministru Clyde Caruana qal li ma kellu l-ebda problema biex jiddiskuti l-kwistjoni fil-Parlament. Iżda l-miżura xorta waħda mhux se titneħħa…. anki jekk issir diskussjoni.
Stqarrija diretta li turi kif għall-Gvern, il-konsultazzjoni ma tiswa xejn. U li l-Ministru tal-Finanzi qed jibqa’ stinat bil-pożizzjoni tiegħu.
Din il-miżura tal-amnestija ġiet introdotta baxx baxx permezz ta’ avviż legali aktar kmieni dan ix-xahar. u tippermetti lil dawk li għandhom arretrati ta’ taxxa dovuti sa Jannar 2021 li jħallsu kwalunkwe ħlas dovut fuq it-trasferiment ta’ proprjetà mixtrija qabel Marzu kontra l-arretrati tagħhom.
Il-Partit Nazzjonalista diġà ressaq mozzjoni fil-parlament biex jirrevoka dan l-avviż legali kontroversjali, fejn qal li għandu “riżervi li għadhom jiġu indirizzati”.
Ħafna korpi kostitiwti qed jgħidu li dan l-avviz legali huwa wieħed ta’ diskriminazzjoni għaliex mhux ġust fil-konfront ta’ dawk il-persuni li tul il-pandemija dejjem ħallsu t-taxxi u għadhom iħallsu t-taxxi sal-lum, b’ħafna qed jisħqu li din il-miżura li daħħal il-Gvern biex jiffaforixxi biss lill-ftit.
//= $special ?>