Il-gowlkiper ta’ 36 sena ta’ Sirens, Jonathan Debono rebaħ l-unur tal-aqwa save tax-xahar għal Settembru, sponsorjat minn DOVE, permezz ta’ Replay. Dan l-unur riservat esklussivament għall-gowlkipers tal-Kampjonat Premier, jingħata kull xahar minn Replay, u hu wieħed popolari ferm mal-gowlkipers li jilgħabu fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti.
Debono, li qed ikollu staġun tajjeb ħafna ma’ Sirens, hu wieħed mill-akkwisti l-ġodda fl-iskwadra mmexxija minn Winston Muscat bħala kowċ. Hu rebaħ dan l-unur b’save fil-partita li kellu bejn il-lasti ta’ Sirens fil-partita kontra Santa Lucia, nhar it-18 ta’ Settembru li għadda, u li t-tim minn San Pawl il-Baħar rebaħ bl-iskor ta’ 3-1.
Debono rebaħ dan l-unur, wara votazzjoni li saret onlajn, permezz tal-paġna ta’ Replay fuq Facebook u li għaliha kien hemm konkorrenza kbira mit-telespettaturi ta’ dan il-programm tant popolari dwar il-futbol Malti, tant li kien hemm ‘il fuq minn 1,200 vot. Is-save ta’ Debono kellu 49% tal-voti kollha, b’Alessandro Guarnone, gowlkiper ta’ Valletta, ikun l-akbar kompetitur ta’ Debono għar-rebħ ta’ dan l-unur għax-xahar ta’ Settembru, meta temm fit-tieni post fl-għażla ta’ dawk li vvutaw, b’42% tal-voti.

Fil-jiem li ġejjin, se tkun qed issir il-presentazzjoni ta’ dan l-unur lil Debono, kif ukoll servizz speċjali li jidher fil-programm Replay Preview tal-Ġimgħa filgħaxija fuq Net Television.
//= $special ?>