Lokali

“Kull wieħed u waħda minna għandu valur” – Bernard Grech

“Jeħtieġ li nibżgħu aktar għal xulxin. Kull wieħed u waħda minna għandu valur. Irrid soċjetà li tfittex u tgħolli dan il-valur. Uliedna qed josservawna u qed jiġġudikawna. Ejjew naraw x’nistgħu nagħmlu aħjar ma’ kull wieħed minna, speċjalment f’dak il-mument l-iktar fraġli għalih.”

Kien dan il-messaġġ li wassal il-Kap tal-PN Bernard Grech, permezz ta’ post fuq Facebook, wara filmati xokkanti li bdew iduru fuq il-media soċjali, filmati li ħafna persuni raw b’għajnejhom u anke semgħu b’widnejhom. Dan meta filmat ta’ persuni li kienu qed isegwu raġel li beda jhedded li jagħmel suwiċidju, bdew iduru fuq il-media soċjali u ħafna bdew jikkummentaw dwar dak li beda jinstema’ fejn bl-aktar mod xokkanti, xi nies li bdew isegwu din ix-xena, bdew jinkoraġġixxu lir-raġel biex jaqbeż minn fuq is-sur tal-Belt li tidhol għalih mill-ġnien ta’ Hastings.

Bernard Grech saħaq li “Ilkoll għandna mhux biss obbligu ċiviku lejn xulxin imma obbligu morali li nieqfu ma’ xulxin jekk tassew irridu nissejħu familja Maltija. Tal-inqas jekk ma tafx kif għandek iġġib ruħek f’mument bħal dan, ċempel il-pulizija jew l-emerġenza.”

Il-Kap tal-PN appella biex “nuru rispett u empatija lejn xulxin fl-aktar mumenti fraġli u mhux l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħna jkun is-sensazzjonaliżmu, jew li noħorġu mobile biex niġbdu video.” F’messaġġ ċar, il-Kap tal-PN wassal appell sinċier; “Ftakar li tista’ tkun int, nista’ nkun jien. Nafu aħjar minn hekk. Jekk għandek bżonn titkellem ma’ xi ħadd, jew qatt kellek xi ħsibijiet tqal, inħeġġek tikkuntattja lil waħda mill-ħafna għaqdiet professjonali f’dan il-qasam.”