Il-Prim Ministru tal-Irlanda, Michael Martin, qal li l-Unjoni Ewropea ‘qed taħseb bis-serjetà’ biex issolvi d-diżgwid mar-Renju Unit dwar il-fruntiera tal-Irlanda ta’ Fuq…Diżgwid li ilu għaddej minn qabel ir-Renju Unit xolja uffiċjalment mill-Unjoni Ewropea skont il-proċess tal-Brexit.
Intant, Martin, waqt intervista lill-BBC, qal li ‘is-sitwazzjoni’ relatata man-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u r-Renju Unit qed tidher li tjiebet b’mod sinifikanti fl-aħħar ġimgħat u li jawgura tajjeb għall-futur.
L-hekk-imsejjaħ Northern Ireland Protocol inkwadrat fil-ftehim għall-Brexit għandu l-iskop li jevita l-implimentazzjoni ta’ kontrolli mal-fruntiera tal-Irlanda.
Għaldaqstant, il-protokoll ‘qed iżomm’ lill-Irlanda ta’ Fuq ( provinċja taħt amministrazzjoni Britannika) fis-suq ewlieni tal-UE għall-moviment ħieles ta’ prodotti – minbarra li jippermetti ‘kummerċ bla xkiel’ mal-pajjiżi tal-Unjoni.
Madankollu, il-protokoll anki ħoloq ‘fruntiera kummerċjali’ bejn l-Irlanda ta’ Fuq u r-Renju Unit – u li jfisser li xi prodotti, inklużi tal-laħam, huma suġġetti għall-kontrolli ladarba jkunu trasferiti mir-Renju Unit għall-provinċja.
Din is-sitwazzjoni rrabjat numru ta’ politiċi fl-Irlanda ta’ Fuq, fosthom il-Mexxejj tal-Partit Democratic Unionist (DUP), Sir Jeffrey Donaldson, li insista li l-protokoll ‘qed iħarbat il-kummerċ fost ir-riperkussjonijiet negattivi għas-settur’.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Martin ammetta għal sens ta’ frustrazzjoni dwar iċ-ċirkustanzi filwaqt li wissa biex ir-Renju Unit ma jieħux azzjoni unilaterali li kapaċi taffettwa ħażin ir-relazzjonijiet mal-UE ( li tinkludi fiha r-Repubblika Irlandiża).
‘Il quddiem għandha ssir laqgħa fi Brussell bejn il-Ministru Britanniku għall-Brexit, Lord David Frost u l-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea, Maros Sefcovic, bil-għan li huma jirrisolvu l-problemi relatati mal-imsemmi protokoll.
//= $special ?>