Lokali

Liġi ġdida li tirregola l-professjoni tal-periti

Wara stennija ta’ diversi snin biex l-liġi li tirregola l-professjoni tal-periti tkun approvata… fl-24 ta’ Marzu li għadda, din is-saga giet fi tmiemha.

Il-Kamra tal-Periti iddeskriviet dan bħala tragward storiku għall-professjoni, madankollu saħqet li dan mhux it-tmiem tal-proċess leġiżlattiv. Filfatt, matul l-aħħar 8 xhur, il-Kamra ħadmet fuq l-ewwel parti tal-abbozz u t-tranżizzjoni għall-liġi l-ġdida se tibda fil-ġimgħat li ġejjin.

Kollox qed jindika li l-effetti ta’ din il-liġi l-ġdida se jkunu estensivi u se jbiddlu l-mod kif il-professjoni hija strutturata, fejn se jinħolqu wkoll obbligi ġodda fuq il-periti… liġi li se taffetwa lil kull min hu b’xi mod involut fis-setturi li fih jaħdmu l-istess periti.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Kamra tal-Periti organizzat konferenza li fiha pparteċipa d-Deputat tal-PN, il-Perit Toni Bezzina fakkar kif 100 sena wara li bdiet topera l-Kamra tal-Periti, “erġajna qed ngħollu l-livelli mistennija minghand il-professjonisti kollha li joperaw f’dan il-qasam”, bil-hsieb li jiżdied is-serhan il-mohh tal-poplu.

Id-Deputat tal-PN stqarr li kienet ilha tinħass il-ħtieġa li l-liġi tiġi addatta aktar għar-realtajiet tal-lum u fakkar kif din il-liġi ġiet approvata b’mod unanimu fil-Parlament, jiġifieri bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra. “Għandna biex tabilhaqq nkunu kburin li urejna maturita politika sabiex wasalna fejn xtaqna naslu” stqarr Toni Bezzina.