Lokali Qorti

Mhux se jiġu żvelati ismijiet ta’ uffiċjali tas-Servizzi Sigrieti li interċettaw lil Fenech

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili preseduta mill-Imħallef Miriam Hayman ċaħdet talba sabiex ikun żvelati l-ismijiet tal-uffiċjali tas-Servizzi Sigrieti li wasslu biex Yorgen Fenech jiġi nterċettat fid-19 ta’ Novembru tal-2019. L-Avukati ta’ Yorgen Fenech li huwa mixli li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017 kienu għamlu din it-talba fid-dawl tal-fatt li dak li għamlu s-Servizzi tmur kontra dak permess mil-liġi.

Din it-talba kienet miċħuda mill-Qorti li qalet li ma tagħmilx differenza jiġux żvelati jew le l-ismijiet minħabba li xorta Fenech ġie interċettat. Il-Qorti ċaħdet talba wkoll minn naħa tal-Avukat tal-Istat u l-Avukat flimkien mal-parte civile li jiġu preżentati fil-kawża l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront ta’ Yorgen Fenech.

Din it-talba kienet sabet oġġezzjoni qawwija mid-difiża fejn l-Avukat Mercieca qal li “Alla ħares jekk persuna tiġi miċħuda mill-libertà proviżorja minħabba każijiet oħra pendenti li jista’ jkollha.” Għal din it-talba mill-Avukat tal-Istat l-avukati ta’ Fenech li sostnew li kull fattur preċedenti li jikkonċerna l-karattru tan-negozjant kien ġie “kristallizzat” fil-kondotta kriminali tiegħu ppreżentata fil-kumpilazzjoni tal-qtil.

“U ma kienx imċappas!” kien żied jgħid l-avukat Charles Mercieca. L-Avukat tal-Istat Chris Soler kien spjega x-xahar li għadda li l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus kienu ħarġu fi stadju aktar tard, sakemm dawn il-proċeduri dwar il-kwistjoni tal-pleġġ u l-allegat ksur tad-drittijiet ta’ Fenech.

Sadanittant minn dak inhar ‘l hawn dwar l-akkużi ta’ ħasil ta’ flus Fenech kien ingħata l-pleġġ fil-bidu ta’ Novembru mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech. Madankollu Yorgen għadu jinżamm arrestat fuq il-każ tal-omiċijdu ta’ Dapphne Caruana Galizia.

L-Avukat Mercieca kien qal li l-proċeduri quddiem il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha kienu intiżi proprju biex jissalvagwardjaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem, xi ħaġa li qablet magħha. Quddiem l-Imħallef Hayman, Yorgen Fenech qed jikkontesta ċ-ċaħda għall-ħelsien mill-arrest mogħtija mill-Maġistrat Rachel Montebello, li kienet hi li semgħet il-kumpilazzjoni ta’ evidenza.

Għal Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri filwaqt li l-Avukat tal-Istat Chris Soler deher għall-prosekuzzjoni. Għall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qed jidhru l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.