Lokali

Milied Versatili fit-Teatru Manoel

Tlellix, xinxilli u wħud mill-egħżeż kanzunetti tad-dinja se jiżżeffnu fuq il-palk tat-Teatru Manoel fis-7 ta’ Diċembru għall-kunċert A Versatile Christmas, li se jagħti bidu għaċ-ċelebrazzjonijiet spettakolari tal-istaġun festiv tat-teatru nazzjonali tagħna.

Bis-sehem tal-vuċijiet u l-interpretazzjonijiet maġiċi ta’ Nadine Axisa, Pamela Bezzina, Christine Dalli, Nadia Vella, Martina Borg u Adrian Galea Lucas, A Versatile Christmas se jwassal spettaklu u pjaċir f’żewġ prestazzjonijet li se jsiru fis-7 ta’ Diċembru – waħda fis-6.30pm u oħra fid-9pm. Dan għandu jsarraf f’serata mużikali, immexxija mill-artist kreattiv Antoine Farrugia, li żgur toħroġ issaffar mal-melodiji waqt li tippajsaġġa fit-toroq tal-Belt imdawla mill-isbaħ għall-festi.

“Minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, id-dinja tal-arti għadha tinħass xi ftit differenti, u kien impossibbli li ntellgħu t-tant maħbuba pantomima din is-sena,” spjega Massimo Zammit, Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel. “Madankollu t-tim tat-teatru kien ħerqan biex joħloq il-maġija festiva xorta waħda, u allura ridna noħorġu b’xi ħaġa iżjed speċjali biex
invaraw is-sensiela tagħna għall-Milied!”

It-Teatru Manoel ħalla l-organizzazzjoni tas-serata f’idejn l-artist kreattiv Antoine Farrugia, u t-tim ilu minn dakinhar jaħdem b’ruħu u b’ġismu biex joħloq lejla alternattiva li se tkun divertenti u memorabbli għall-familja kollha, u li se timla t-teatru b’atmosfera insuperabbli.

“Kont naf li l-Versatile Brass Band kellha l-mużiċisti ideali biex jikkreaw preċiżament it-tip ta’ atmosfera li ridna, u avviċinajt lis-sid u direttur tal-Versatile, Paul Borg, bl-idea tagħna għal dan il-kunċert,” qal is-Sur Farrugia, li għamel isem fix-xena artistika lokali fit-tmun tan-Notte Bianca. “U flimkien qbadna r-ritmu mill-ewwel!”

Ma tistax ma ċċaqlaqx saqajk mal-mużika li joffri l-programm ta’ A Versatile Christmas, li jinkludi r-romantiċità ta’ La Vie En Rose, l-eċitament ta’ Fever & Feeling Good, l-enerġija Spanjola tal-Habanera, il-faxxinu klassiku ta’ My Way u New York, New York, u ferm u ferm aktar. Flimkien ma’ dan kollu żid il-meravilja tat-Teatru Manoel u l-lista liema bħalha ta’
artisti li se jieħdu sehem, u x’jista’ jkun aqwa minn hekk?

“Nemmnu li A Versatile Christmas se jisraq il-qlub tal-appassjonati tal-mużika ta’ kull età – hekk kif se joffri lill-familji ċ-ċans li jagħmlu xi ħaġa verament speċjali flimkien dan il-Milied,” qal is-Sur Zammit bi tbissima, waqt li żied jispjega li dan il-kunċert huwa parti minn programm varjat li l-Manoel ħejja għall-istaġun li ġej. “Kif jixhed isimha, din hija s-
serata adattata għall-ġenerazzjonijiet kollha, b’kanzunetti li tista’ faċilment tlissen il-melodiji tagħhom. Verament m’hemm xejn iktar straordinarju milli tidħol fl-ispirtu festiv fit-Teatru Manoel.”

Il-kunċert A Versatile Christmas se jittella’ fis-7 ta’ Diċembru fis-6.30pm u fid-9pm. Il-biljetti limitati, u għaldaqstant inħeġġuk tirriserva postok minn kmieni. Tista’ tibbukkja online minn hawn. It-teatru għandu pjaċir jilqa’ lil kull min għandu sitt snin jew aktar.

Tags