Lokali Qorti

Niġerjan ma jinstabx ħati ta’ qtil volontarju ta’ sieħbu b’daqqa ta’ sikkina

Mhux ħati unanimament kien il-verdett tal-ġurati fil-konfront ta’ Niġerjan ta’ 39 sena li kien qed jiġi akkużat f’ġuri li nstema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bil-qtil ta’ sieħbu ko-nazzjonali tiegħu. L-akkużat u l-vittma kienu ħbieb.

Il-qtil ta’ Niġerjan kien seħħ nhar il-Ħadd 15 ta’ Marzu 2020 fuq argument trivjali. Kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar x’għandhom jixtru u jsajru fl-appartament tagħhom u dan skala bil-vittma jaqla’ daqqa ta’ sikkina waħda u spiċċa biex tilef ħajtu.

Il-ġurati emmnu t-teżi tad-difiża li dan kien każ ċar ta’self defence’. L-Avukat Joseph Mifsud ikkonvinċa lill-ġurati dwar dak li ġara fejn l-akkużat sofra minn ġrieħi u li ma setax jagħmel mod ieħor. Meta xehed waqt il-ġuri Okolo Innocent Okwudili (ritratt taż meta ġie arrestat) residenti l-Qawra, u li xogħolu huwa li jpoġġi l-madum qal li kien imsawwat minn sieħbu sal-punt tal-mewt.

L-Avukat Maria Francesca Spiteri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma qablitx ma’ din it-teżi u qalgħet li Okwudilli sofra biss minn ġrieħi ħfief f’xuftejh. Qalet li din kienet l-ewwel darba li l-akkużat ta l-verżjoni tiegħu. Xi ħaġa li l-Avukat Mifsud irribattas għaliha billi qal li l-klijent tiegħu seta’ ma xehedx f’dawn il-proċeduri u għax ma kellu xejn x’jaħbi, tela’ fuq il-peda tax-xhieda.

Spiteri ukoll li jekk persuna taġixxi fis-saħna tad-demm, ma kinitx se tibqa’ daqstant kalma, qisu xejn mhu xejn, tenniet Dr Spiteri. Sa minn mindu tressaq huwa wieġeb mhux ħati li qatel lil Amoubi Joseph Ezechi ta’ 37 sena, ftit wara nofs il-lejl.  Ironikament ftit tal-ħin qabel ma seħħ il-qtil il-mara tal-vittma welldet tarbija fin-Niġerja. Hija kienet ppruvat tagħmel kuntatt ma’ żewġha ftit wara li welldet, iżda huwa kien diġa’ miet l-isptar Mater Dei.

L-akkużat u l-vittma kienu ħbieb u kienu jgħixu fl-istess appartament fejn Ezechi ġie Malta mill-Italja biex isib xogħol biex għalhekk huwa jkun jista’ jibgħat il-flus lil martu, xi ħaġa li diġa kien beda jagħmel. Okwudili għandu karta tal-identità u permess ta’ residenza Taljani u passaport Niġerjan. Hekk kif ġie lliberat, in-Niġerjan beda jibki fl-awla.