Fl-aktar partita li tispikka fit-13-il ġurnata mis-Serie A, Inter se jaffrontaw lil Napoli f’San Siro, f’konfront bejn it-tim tat-tielet post u l-leaders rispettivament. Napoli jinsabu f’forma mill-aqwa, fejn flimkien ma’ Milan, kellhom bidu tal-istaġun kważi perfett, hekk kif għadhom bla telfa u kisbu 2 draws minn 12-il partita. Napoli ilhom 21 partita ma jitilfu fis-Serie A, bil-coach Luciano Spalletti se jkun qed iħares li jikseb it-tliet punti kontra l-eks tim tiegħu.
Min-naħa l-oħra rebħa għal Inter tkun tfisser li jnaqqsu d-distakk bejnhom u bejn l-leaders Napoli għal 4 punti, biex b’hekk jerġgħu jidħlu fit-taqtiegħa għar-rebħ tal-Iscudetto. Minkejja dan Inter għadhom m’humiex ċerti dwar il-kundizzjoni fiżika ta’ tnejn mill-aktar plejers importanti għalihom, l-attakkanti Lautaro Martinez u Alexis Sanchez, li jidher li sofrew injuries waqt l-impenji internazzjonali man-nazzjonijiet rispettivi tagħhom.
F’partita oħra nteressanti fi Stadio Olimpico Lazio se jospitaw lil Juventus. Tliet punti għal Juventus jkunu jfissru li jilħqu lill-istess Lazio fil-ħames post tal-klassifika b’21 punt, għalkemm it-tim imexxi minn Massimiliano Allegri mistenni jkun mingħajr l-plejer importanti Paolo Dybala, li sofra injury fil-partiti tal-Argentina. Allegri mistenni jagħżel bejn Alvaro Morata jew Moise Kean biex jakkompanjaw lil Federico Chiesa fl-attakk ta’ Juventus. Min-naħa tagħhom Lazio għandhom l-problemi bl-injuries tagħhom hekk kif kemm Ciro Immobile kif ukoll Pedro mistennija jitilfu dan il-konfront importanti minħabba injury.
Fi Stadio Artemio Franchi Fiorentina se jaffrontaw lil Milan, li jinsabu fit-tieni post bl-istess ammont ta’ punti (32) daqs Napoli li jinsabu fl-ewwel post tal-klassifika. Milan li jinsabu għaddejin minn forma mill-aqwa fis-Serie A se jħarsu li jiksbu t-tliet punti, filwaqt li jittammaw f’rebħa mir-rivali tagħhom Inter kontra Napoli, biex jiftħu vantaġġ ta’ tliet punti f’ras il-klassifika. Min-naħa l-oħra Fiorentina wkoll se jħarsu li jaħsdu lil Milan u jagħtuhom l-ewwel tefla tal-istaġun filwaqt li jitilgħu fil-postijiet tal-Ewropa.
SERIE A
Illum Atalanta v Spezia 3.00pm, Lazio v Juventus 6.00pm, Fiorentina v Milan 8.45pm Għada
Sassuolo v Cagliari 12.30pm, Salernitana v Sampdoria 3.00pm, Bologna v Venezia 3.00pm, Inter v Napoli 6.00pm, Genoa v Roma 8.45pm, It-Tnejn Verona v Empoli 6.30pm, Torino v Udinese 8.45pm