Lokali

Il-PN bis-soluzzjonijiet biex pajjiżna jkollu futur isbaħ – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista għandu s-soluzzjonijiet u jrid jara li ż-żgħażagħ tagħna jmorru barra minn xtutna biex jistudjaw, iżda jerġgħu jiġu għal futur isbaħ f’pajjiżna stess.

Hekk iddikjara l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista fuq NET FM, fid-dawl tal-isfidi li qed jiffaċċjaw Malta u Għawdex sforz id-deċiżjonijiet żbaljati tal-Gvern Laburista.

Bernard Grech qal li Gvern ġdid immexxi minnu jara li jipproteġi l-Ambjent għax illum qed ngħixu fi żmien fejn – sforz deċiżjonijiet żbaljati ta’ dan il-Gvern – intilef il-bilanċ, li hu tant meħtieġ.

Hu spjega kif illum qed ngħixu f’sitwazzjoni fejn il-Gvern Laburista għażel li jifga lil Malta u Għawdex bil-konkrit, minkejja li ż-żgħażagħ tagħna għadhom qed isibuha diffiċli biex jaffordjaw jixtru imqar propjetà żgħira.

Mistoqsi minn Gabriel Micallef, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li Gvern ġdid immexxi minnu jara li l-anzjani ma jibqgħux ikunu ntaxxati doppjament jekk jibqgħu jaħdmu. Dan għax irid jara li l-anzjani jibqgħu attivi u għalhekk, għandhom ikunu meħlusin minn piżijiet żejda.

Barra minhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista jara li l-anzjani jingħataw sussidju fil-prezz tal-internet ħalli dawn ukoll igawdu minn konnessjoni, partikolarment ma’ dawk l-aktar għeżież għalihom.

Dwar il-kontijiet tal-enerġija, Bernard Grech qal li llum ħadd ma għandu dubju li qed jinsteraq. Madankollu, Robert Abela qed jagħżel li jibqa’ jisraq il-miljuni minn bwiet il-Maltin u l-Għawdxin.

Min-naħa l-oħra, Gvern ġdid Nazzjonalista jrodd lura l-flus misruqin għax irid ikun Gvern ġust b’relazzjoni tajba miegħek.

Barra minhekk, kompla Bernard Grech, il-Partit Nazzjonalista jrid jara wkoll li kuntratti bħal tal-Vitals jitwaqqfu mill-aktar fis. Dan meta pajjiżna qed jitmexxa minn Partit li baqa’ ma nbidilx minn żmien Joseph Muscat, tant li għadu qed jappoġġja politiċi bħal Edward Zammit Lewis u Rosianne Cutajar.

Dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jitratta l-konsum tal-kannabis, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar kif bosta entitajiet – fosthom Caritas Malta u l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem – esprimew it-tħassib tagħhom għall-għaġla tal-Gvern biex idaħħal din il-Liġi.

Hu kompla li l-Partit Nazzjonalista kkonsulta ma’ dawn u oħrajn, filwaqt li lest ikompli jikkonsulta u jiddjaloga, anke mal-Gvern, filwaqt li appella lil Robert Abela u sħabu biex iwieġbu għat-tħassib tan-nies.

Bernard Grech fakkar kif sitt snin ilu, il-Partit Nazzjonalista vvota favur li l-konsum tal-kannabis ma jibqax att kriminali, kif ukoll li l-kannabis mediċinali tkun aktar aċċessibbli għal dawk fil-bżonn. Madankollu, ma jridx iwassal il-messaġġ liż-żgħażagħ li l-użu rikreattiv hu tajjeb.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem ukoll liż-żgħażagħ li bħalissa qed jiċċelebraw il-gradwazzjoni tagħhom, fosthom bi żjarat fid-Dar Ċentrali. Hu qal li qed jieħu gost jiċċelebra magħhom dan iż-żmien sabiħ f’ħajjithom, filwaqt li awguralhom biex ikunu parti minn soċjetà aħjar.