Is-suppost ċanfira qawwija li l-Parlament kellu jagħti lid-Deputat Laburista Rosianne Cutajar ma kienet xejn ħlief ittra ta’ informazzjoni dwar id-deċiżjoni li ttieħdet fil-konfront tagħha.
Il-ġurnal Times of Malta irrapporta kif, wara d-deċiżjoni ta’ ċensura li ttieħdet fil-konfront tagħha t-Tlieta li għadda mill-Kumitat Parlamentari għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, wara li nstabet ħatja bi ksur ta’ etika għax ma ddikjaratx dħul ta’ eluf ta’ ewro minn deal mal-allegat kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, l-Ispeaker Anġlu Farrugia kellu jibgħat ittra ta’ ċanfira fil-konfront tad-Deputat Laburista.
Madankollu, dik li kellha tkun ċanfira mill-Ispeaker, spiċċat inbidlet għal ittra… li sempliċiment tinforma lil Rosianne Cutajar b’dak li ddeċieda l-Kumitat Parlamentari. Fil-fatt, jirriżulta li hi rċeviet ittra mill-Iskrivan tal-Kamra, li spjegalha li kien imqabbad mill-Ispeaker jinfurmaha bid-deċiżjoni fil-konfront tagħha.
Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina – li flimkien mad-Deputat Therese Comodini Cachia jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista f’dan il-Kumitat Parlamentari – qal lill-ġurnal li l-ittra kienet ‘il bogħod ħafna miċ-ċanfira li l-Kumitat iddeċieda dwarha, f’dak li sejjaħ bħala każ ieħor ta’ falliment f’istituzzjoni tal-Istat.
Hu qal li normalment, ittra ta’ ċanfira tinkludi dak li l-persuna tkun għamlet ħażin, għaliex u x’kellu jsir biex dan ikun evitat. Madankollu, din l-ittra turi li dan ma kienx il-każ. U dan juri li l-Kumitat għandu bżonn riforma drastika, ladarba qal li reġa’ ma laħaqx l-oġġettivi istituzzjonali tiegħu.
Matul sessjoni tal-Kumitat Parlamentari, iż-żewġ Deputati Nazzjonalisti talbu li l-membri preżenti jkunu nfurmati minn qabel bil-kontenut tal-ittra li kienet se tintbagħat lid-Deputat Laburista. Madankollu, it-talba tagħhom ma kinitx aċċettata.
Dan wara li l-Kumitat sema’ kif il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler sab lill-eks Segretarju Parlamentari ħatja li ma ddikjaratx dħul minn bejgħ ta’ propjetà li fih kien involut Yorgen Fenech.
Fid-dawl ta’ dan, Karol Aquilina u Therese Comodini Cachia talbu li Cutjar tkun sospiża mill-Parlament għal xahar. Madankollu, id-Deputati tal-Gvern – il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Whip Glenn Bedingfield – ma qablux ma’ dan.
//= $special ?>